Bejn wieħed u ieħor, kienu 2,243,900 l-pellegrini li ltaqgħu mal-Papa Benedittu XVI waqt l-attivitajiet pubbliċi tiegħu li saru fil-Vatikan jew fir-residenza tiegħu ta’ Castel Gandolfo fl-2009, jiġifieri waqt l-udjenzi ġenerali u speċjali, ċelebrazzjonijiet liturġiċi u l-Angelus. L-aħbar ngħatat mill-Prefettura tal-Vatikan.

Fi stqarrija, il-Prefettura qalet li l-istatistika hi biss stima maħduma fuq talbiet formali għall-attendenza minn pellegrini fil-ħin tal-Angelus jew f’ċelebrazzjonijiet li jinżammu fi Pjazza San Pietru jew fil-bażilika tal-Vatikan. Intqal ukoll li l-istatistika tkopri biss in-nies li ltaqgħu mal-Papa fil-Vatikan jew f’Castel Gandolfo, mingħajr ma ngħatat konsiderazzjoni għal-laqgħat tal-Papa man-nies waqt diversi okkażjonijiet f’postijiet differenti. Fost dawn id-diversi żjarat f’parroċċi ta’ Ruma, żjarat pastorali f’postijiet fl-Italja, laqgħat waqt il-jiem ta’ mistrieħ fis-sajf fir-reġjun ta’ Aosta u naturalment il-laqgħat waqt il-vjaġġi pastorali tiegħu.