-
-
Fil-jiem li ġejjin se tibda l-ewwel fażi tar-restawr tal-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun, bir-restawr tal-faċċata tal-ġenb tal-knisja Arċipretali li hija n-naħa li tħares fuq Misraħ Gregorio Bonnici.
Dan il-proċess ta’ restawr fuq il-faċċata tal-ġenb tal-Knisja mistenni jieħu erba’ xhur.
Il-konservazzjoni u r-restawr ta’ din il-faċċata tal-knisja li tagħti għal fuq Misraħ Gregorio Bonnici hu stmat li se jiswa b’kollox €116,812.92 u se jitħallas minn fondi tal-Gvern ċentrali.
Ix-xogħol qed isir b’kollaborazjoni bejn il-perit imqabbad mill-Parroċċa, il-Perit Hector Zammit u d-Direttorat tar-Restawr, fi ħdan il-Ministeru tal-Kultura.
Il-knisja ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun hi ġawhra arkitettonika u storika u l-bini tagħha kien tlesta fl-1779 wara kważi 90 sena mit-tqegħid tal-ewwel ġebla u nbena skont disinn ta’ Lorenzo Gafà.
Ir-responsabbiltà tax-xogħlijiet kienet ġiet fdata f’idejn Mastru Xandru Pulis.