Sr Michaela mis-Sorijiet tal-Ursolini qalet ma’ Newsbook.com.mt li s-sorijiet se jkomplu bil-ħidma tagħhom, minkejja l-bidliet fil-Creche ta’ Tas Sliema. Fi kliemha stess: “Hemm konna. Hemm għadna. Hemm se nibqgħu.”

Hi spjegat li s-sorijiet tal-Ursolini huma grati ħafna għal 119-il sena ta’ ħidma fil-Creche ta’ Tas-Sliema u huma taw dan is-servizz mill-qalb. “L-għajnuna tagħna se tinbidel – minflok inrabbu t-tfal li jkunu fil-kura tagħna 24 siegħa kuljum – issa se nkomplu naħdmu skont il-bżonn tas-soċjetà fi żminijietna.”

Sr Michaela qalet li minbarra l-ħidma mat-tfal vulnerabbli, issir ħafna ħidma ma’ persuni oħra fil-bżonn. Fost l-oħrajn huma jibqgħu viċin tat-tfal li jrabbu u meta jikbru jibqgħu f’kuntatt magħhom u jgħinuhom skont il-bżonn. Kompliet li l-għajta tan-nies lis-sorijiet hi “Għandna bżonnkom!” u qalet li huma mhux se jieqfu jgħinu lil dawk fil-bżonn.

Sr Michaela appellat għat-talb mill-poplu b’mod speċjali bħalissa. Irringrazzjat lill-benefatturi tul is-snin li għenuhom irabbu eluf ta’ tfal u qalet li bżonnijet materjali ma jonqsux. Appellat liż-żagħżagħ li qed jisimgħu s-sejħa għall-vokazzjonijiet biex ma jibżgħux għax dak li jieħdu mill-ħidma għall-oħrajn ikun ta’ sodisfazzjon kbir.

Agħfas hawn għall-intervista sħiħa

Sors: Newsbook.com.mt