Maħbubin Uliedna,

Aħna qegħdin inwasslulkom din l-Ittra Pastorali tagħna għall-Avvent, iż-żmien li għalina l-Insara jrid iwassalna biex niċċelebraw it-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu fostna.

Din is-Sena, dan l-Avvent se jkun ukoll magħqud ma’ żewġ miġjiet oħra li huma maħsubin biex jgħinuna nilqgħu dan il-messaġġ.

Is-sena d-dieħla, fl-2010, aħna se nfakkru lil Missierna San Pawl fin-nawfraġju li wasslu fuq din il-gżira. Dak iż-żmien in-nies laqgħu lil San Pawl b’att ta’ karità, meta marru jgħinuh wara l-għarqa. Iżda huma wkoll, megħjunin mill-mirakli ta’ San Pawl fuq il-gżira, laqgħu l-messaġġ tiegħu: it-tislima li tawh meta telaq mill-gżira tagħtina ħjiel li hu ħalla komunità ta’ nsara warajh. Il-laqgħa ta’ Pawlu mal-Gvernatur tal-gżira, Publju, tiġi murija fil-kuntest ta’ miraklu, li dejjem jiġi marbut max-xandir tal-Kelma.

Din is-sena ġie mħabbar ukoll li se jkollna l-Qdusija tiegħu il-Papa Benedittu XVI li hu wkoll se jagħmel żjara fil-gżira tagħna. Huwa wkoll, bħal Ġesù l-ewwel, bħala San Pawl, se jwasslilna l-Aħbar it-Tajba għaż-żminijiet tagħna llum.

It-Tweġiba tagħna

.

Fid-dawl ta’ dan, aħna l-Isqfijiet nixtiequ li b’din l-Ittra Pastorali nindirizzaw il-Poplu tagħna kollu, u b’mod speċjali lil dawk li verament qegħdin ifittxu b’impenn li jkunu membri sħaħ u impenjati tal-Knisja Kattolika f’pajjiżna. Qegħdin ngħidu dan mhux biex nonqsu mir-rispett lil xi ħadd li jagħmel għażliet differenti, jew biex nagħmlu xi esklużjoni ta’ xi ħadd fis-sens negattiv tal-kelma, iżda biex inħeġġu lil kulħadd biex jagħraf x’inhi s-sejħa li qed jagħmillu Alla biex jagħmel l-għażla tiegħu jew tagħha li jsib postu fil-Knisja ta’ Alla. Dawk li ma jemmnux iridu jaraw li hemm twemmin u mġiba partikolari mgħallma u murija f’Sidna Ġesù Kristu fil-Komunità tal-Knisja. Jekk imbagħad dan jibda jagħmel sens spiritwali f’qalbhom u f’moħħhom dan għandu jwassal biex  huma wkoll jingħaqdu b’impenn mal-Knisja.

Sidna Ġesù Kristu kien diġà qal li ġie fid-dinja biex iġib il-firda (ara: Lq 12, 51). Imma, għal Ġesù, din il-firda hija temporanja, biex jidher aħjar il-messaġġ f’dawk li jimpenjaw ruħhom biex jgħixu l-messaġġ tiegħu. F’min jemmen, din il-firda iktar tnissel fih ix-xewqa li oħrajn jingħaqdu miegħu f’dak li jemmen fih. Kull komunità nisranija f’kull żmien, fil-għan li twassal il-messaġġ ta’ Ġesù lil kulħadd, trid taħseb li tagħmel esperjenza ta’ din il-firda.

Kif se nwettquha?

.

Ġieli jkun hemm xi wħud li jitkellmu fuq il-libertà  fil-Knisja Kattolika, bħalma jitkellmu fuq id-dritt għal-libertà ta’ opinjoni fl-Istat. Ir-realtà hija totalment differenti. Id-drittijiet tal-membri tal-Istat joħorġu mill-fatt li huma ċittadini tal-istat demokratiku mit-twelid tagħhom, jew minn ċittadinanza mitluba u mogħtija mill-Istat. Ma titlobx għażla minn dawn iċ-ċittadini: għalhekk l-Istat irid jaċċetta l-libertà ta’ opinjoni taċ-ċittadini kollha, sakemm ma tmurx kontra xi ġid komuni. Għalhekk nitkellmu  minn soċjetà pluralistika u liberali fis-sens sabiħ u pożittiv tal-kelma.

Persuna tidħol fil-Knisja Kattolika permezz tas-sagrament tal-Magħmudija. Fil-magħmudija in-nisrani jgħaddi minn, u jirċievi l-grazzja li ħarġet mill-mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù. Hija grazzja li tiġi offruta lill-bnedmin kollha. Iżda ladarba hija offerta, titlob li persuna, liberament, tilqa’ din l-offerta. Fil-każ ta’ tarbija, il-ġenituri jilqgħu din l-offerta u jgħammdu lit-trabi tagħhom, għaliex huma jixtiequ jgħaddu lil uliedhom il-Fidi tagħhom fi Kristu fi ħdan il-Knisja. Meta persuna ssir adulta, jiġifieri tkun tista’ tagħmel id-deċiżjonijiet tagħha, hija trid tikkonferma din id-deċiżjoni liberament, inkella ma tkunx qiegħda tħalli l-grazzja taħdem fiha. Dawn id-deċiżjonijiet jimplikaw li wieħed iħaddan il-ħajja u t-tagħlim ta’ Sidna Ġesù Kristu. Il-magħmudija u l-konferma tagħha jikkorrispondu mas-sejħa ta’ Ġesù lid-dixxipli tiegħu: “Ejja warajja”.   Din hija l-‘kuxjenza kollettiva’ li jidħol għaliha n-Nisrani.

L-istess ħaġa tiġri per eżempju meta wieħed jagħżel li jidħol fi grupp ambjentalista, jew tal-isports eċċ. Kulħadd ikun jaf il-‘kuxjenza kollettiva’, l-finalitajiet  tal-grupp li jkun daħal fih: għalhekk għażlu. L-għażla jkun għamilha meta ddeċieda li jidħol jew ma jidħolx f’dak il-grupp. Mill-għażla li jkun  għamel, joħorġu d-deċiżjonijiet kollha tiegħu, jew għallinqas ikejjel id-deċiżjonijiet tiegħu ma’ din il-‘kuxjenza kollettiva’.

Hija l-istess konklużjoni loġika li jridu jagħmlu l-membri tal-Knisja Kattolika biex iħossuhom membri sħaħ tal-Knisja. Iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed jinħass il-bżonn li kull wieħed u waħda minna jagħmel din il-għażla. Ġesù għamel din il-firda fost dawk li kienu jkunu jisimgħuh b’din l-offerta: “Imxi warajja” (Lq 9,59). Huma dawk biss li qalu ‘Iva’ lil Ġesù li saru verament ‘tiegħu’! Tant hu hekk li f’Antjokja,”d-dixxipli għall-ewwel darba, sejħulhom ‘Kristjani’” (At 11,26).

Ħafna minna rċevejna l-fidi tagħna minn ħdan kultura li kienet tgħaddilna l-Fidi u r-Reliġjon Nisranija: mal-Fidi tagħna kellna kultura li tipproteġina. Il-kultura llum għandha wkoll xi ideat tagħha li xi drabi jbegħduna mill-Mulej. Dan ifisser li min ma għamilx din id-deċiżjoni konxja, ta’ adult, li jimxi wara l-Mulej, jibqa’ jsejjah lilu nnifsu Nisrani, iżda faċli jitmexxa bil-kultura tal-mument: ikun iktar jirrifletti lilha milli lil Kristu.

L-Għażliet fostna

.

Xi wħud li ħallew lilhom infushom jitmexxew mill-kultura biss, illum għażlu  li ma jibqgħux parti mill-Knisja Kattolika u ħarġu minnha. Għalkemm dan iweġġagħna u nixtiequ narawhom jerġgħu jirritornaw għall-Knisja, wieħed jirrispetta d-deċiżjoni li għamlu.

Xi wħud isibuhom komdi li jagħżlu mill-elementi tal-Fidi tagħna biex ma jitilfu xejn mill-kultura tagħna. Xi wħud għadhom isejħu lilhom infushom membri tal-Knisja Kattolika, iżda ma daħlux fl-aċċettazzjoni tal-‘kuxjenza kollettiva’ tal-membri tal-Knisja Kattolika. Aħna nixtiequ li nħeġġu lil dawn l-aħwa jiddeċiedu  fejn se jqiegħdu l-għażliet fundamentali tagħhom. Nafu li dan mhux faċli! Inħossu li huwa diġà sinjal  pożittiv meta jħossu internament li huma f’pożizzjoni skomda bejn il-fidi u l-pressjoni tal-kultura tal-lum fejn tmur kontra l-valuri tal-Fidi. Dan għandu jgħinhom biex jieħdu deċiżjoni.

Imbagħad hemm xi wħud li għamlu l-għażla fundamentali fil-ħajja tagħhom li kkonfermat il-fidi li rċevew fil-magħmudija. Ir-Reliġjon kulturali nbidlet b’għażla ta’ Fidi li ddawwal il-viżjoni tagħhom tad-dinja ta’ madwarhom: daħlu fil-‘kuxjenza kollettiva’ tal-Knisja u jistgħu jingħarfu għax huma parti minn din il-‘kuxjenza kollettiva’.

Ġesù, li kien jaf in-natura tal-bniedem, qegħedha ċara l-għażla tagħna: “Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus” (Mt 6,24). Bi ‘flus’ Ġesù qiegħed jifhem dak kollu li jtellef lill-bniedem milli jaqdi lil Alla. Ma riedx li nidħqu bina nfusna. Min jagħżel li jaqdi l-flus huwa ċar fil-ħsibijiet tiegħu: jista’ xi darba jagħmel għażla oħra. Min jagħżel li jaqdi lil Ġesù huwa wkoll ċar: irid jersaq lejn Ġesù. L-ikbar traġedja, u Ġesù kien jafha, hija ta’ dawk li jibqgħu fin-nofs. Jaħsbu li jistgħu jgħaddu mingħajr ma jagħmlu l-għażla għal Ġesù, jibqgħu isejħu lilhom infushom ‘insara’ għaliex hekk ġew mgħammda, iżda fil-fatt jaqdu l-kultura ta’ llum f’kollox.

U hawnhekk tiġi l-kuntradizzjoni ta’ xi wħud. Ngħid li jien nisrani u ma nersaqx lejn il-Knisja, lejn il-Kelma ta’ Alla u lejn l-Ewkaristija. Din il-ħaġa ssir biss meta nitkellmu fuq il-Fidi tagħna, għax meta fil-ħajja soċjali tagħna nidħlu għal xi impenn, normalment naċċettaw dak kollu li titlob din l-għażla. Ngħidu li aħna nsara iżda ma nipprattikawx il-Fidi, u allura nibdew nitbegħdu mill-Fidi jew ngħixuha biss fil-qoxra!

Hija din l-isfida tagħna, din il-firda, li xtaqna nipproponu għal din is-Sena ta’ San Pawl. Nixtiequ li din is-sena tkun ta’ tisħiħ għal kull min diġà għażel lil Kristu biex jimxi warajh.  Nixtiequ nuru l-imħabba tagħna għal dawk li għażlu li ma jridux jimxu wara Ġesù fil-Knisja. Iżda fuq kollox nixtiequ tkun sena ta’ grazzja u ta’ deċiżjoni għal dawk li għadhom fin-nofs:  dawk li għadhom iħossuhom insara iżda mhux qegħdin iwieġbu għas-sejħa ta’ Ġesu’ biex jimxu warajh.

Konklużjoni

.

Aħna qegħdin f’mument importanti tal-Knisja tagħna f’pajjiżna. Aħna konna trabbejna u għexna f’kuntest ta’ kultura li kienet mimlija bis-sinjali tar-reliġjon Kattolika. Ir-realtà issa hija ħafna differenti. Il-kultura prevalenti m’għadhiex tirrifletti f’ħafna affarijiet dak li joħroġ mill-Fidi u t-tagħlim ta’ Sidna Ġesù Kristu. Biex ngħixu l-Fidi f’din ir-realtà rridu li din il-fidi l-ewwel tkun preżenti f’qalbna għax għażilna li nilqgħu s-sejħa li għamlilna Ġesù, u mbagħad inkunu kapaċi ngħixu ta’ ‘Kristjani’ fil-kultura llum.

Il-komunità tal-Knisja trid tingħaraf iktar mill-kliem u l-imġieba tal-membri tagħha milli biss mir-reġistri tal-Magħmudijiet. Ġesù kien ċar: li jridu jagħrfuna mill-għemejjel tagħna.

Xtaqna li ngħidu dan b’imħabba u urġenza kbira mhux biex inbeżżgħu lil xi ħadd. Dan kollu qegħdin  ngħiduh f’kuntest ta’ ħafna mħabba anki għal dawk li ddeċidew li jitilqu l-Knisja, u forsi jħossu li għandhom jeħduha kontra l-Knisja fuq ċerti punti. Qegħdin  ngħiduh għaliex irridu nkunu konxji minn dan il-proċess, u nidħlu fih, mhux inħalluh jgħaddi minn fuqna.

F’din is-sena l-Mulej qed jagħmillek din l-offerta permezz tagħna. It-tweġiba hija f’idejk. Nitolbu biex ikun hemm ħafna li jgħidu bħal San Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla” (Ġw 6, 68.69). Kull min għamel l-għażla bħal San Pietru, ma ddispjaċihx!

Nagħtukom il-barka pastorali tagħna b’rahan ta’ kull ġid mis-sema.

+ PAWLU CREMONA O.P.

Arċisqof ta’ Malta


+ MARIO GRECH

Isqof ta’ Għawdex


L-Ittra Pastorali tinsab ukoll fuq YouTube f’zewg partijiet: