Nhar il-Ġimgħa, 23 ta’ Ottubru, 2010 tfakkar is-27 anniversarju minn meta s-Santa Sede ppreżentat ic-Charter tad-Drittijiet tal-Familja.
Waqt konferenza organizzata mill-ProġettImpenn, fl-Istitut Kattolika, Floriana, il-kelliem ewlieni, Fr Rene’ Camilleri, saħaq li m’hemm l-ebda dubju li llum, 27 sena wara, ic-Charter għadu jagħmel sens; imma mistoqsija li ssewgi hi jekk dan ic-Charter hux rimedju għal dak li llum qed jinkwetana fejn jidħlu żwieġ u familja. U hawnhekk, it-tweġiba ta’ Fr Rene’ – tweġiba li forsi mhux għal kulħadd hija ovja – kienet le!
Fr Rene’ ta’ ħafna raġunijiet għal dan – fosthom li avolja hu mportanti li jkollna qafas ġuridiku u legali li jipproteġi l-familja u l-istituzzjoni taż-żwieġ, spiċċa ż-żmien li nserrhu wisq fuq il-liġi u l-leġislaturi fejn jidħol it-twemmin tagħna. Irridu nibqgħu nistaqsu x’qed jiġri fil-qalb tal-bniedem, x’jagħmel lill-bniedem iktar awtentiku u bniedem sħiħ.
Fr Rene’ qal li avolja d-drittijiet tal-bniedem huma fundamentali għall-kultura tagħna, daqskemm jista’ jsir appell f’isimhom biex niddefendu l-istituzzjoni tal-familja, daqstant ieħor l-individwu f’isem il-liberta’ u l-individwalita’ jista’ jiġi qabel l-istess familja. Illum, qal, il-ħajja taż-żwieġ tiddependi mhux mill-istituzzjoni taż-żwieġ nnifsha imma ferm aktar mill-livell ta’ impenn u investiment tal-istess miżżewġin. Għaldaqstant, ma nistgħux inserrħu rasna li għandna dan ic-Charter li tfassal biex jipproteġi l-istituzzjoni taż-żwieġ,
għaliex illum id-dizordni li d-dgħjufija u l-ħerba fiż-żwieġ u l-familji jġibu, mhuwiex dizordni li jista’ jkun ikkoreġut mill-qafas legali.
Fr Rene’ kompla jispjega li llum iżjed jgħodd li nifhmu x’inhu dak li qed idgħajjef lill-bniedem minn ġewwa u x’qiegħed jirrendi r-relazzjonijiet ta’ bejnietna daqshekk fragli.
Wara xi interventi mill-udjenza, tkellem l-Arċisqof Pawlu Cremona li fakkar f’dak li ntqal fin-Nota Pastorali fuq iż-Żwieġ u l-Familja, li fiha l-Isqfijiet fissru kif il-Knisja għandha l-missjoni li tqiegħed lil kull membru tagħha quddiem Sidna Ġesu’ Kristu u t-tagħlim tiegħu.
Agħfas hawn biex tniżżel it-test sħiħ tad-diskors ta’ Fr Rene’ Camilleri.
Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]