2010

2010

“Din hija s-Sena Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali. Din iż-żjara hi rikonoxximent tal-irwol important ital-Knisja Kattolika fil-ġlieda kontra dawn iż-żewġ elementi”. Dan hu l-mod kif il-President tal-Parlament Ewropew, Jerzy Buzek, ikkummenta waqt li kkonferma l-udjenza private li se jkollu mal-Papa Benedittu XVI nhar it-Tnejn 25 ta’ Ottubru fil-Vatikan.

“Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali teħtieġ sħubija bejn il-partijiet kollha involuti”, kompla Buzek.  Fi kliemu, “il-Knisja Kattolika mhux biss tipprovdi kenn u comfort imma anki messaġġ qawwi ta’ solidarjeta, wieħed mill-prinċipji pilastri tal-Unjoni Ewropea. Fi żmien ta’ taqlib ekonomiku, dan hu messaġġ kruċjali”.

Il-politika Pollakk iżid li “il-laqgħa mal-Papa se ssir fil-kuntest ta’ Artiklu 17 tat-Trattat ta’ Lisbona, li jipprovdi għal djalogu konsistenti bejn l-UE u l-Knejjes differenti. L-Unjoni tapprezza l-kontribut tar-reliġjonijiet u tad-diversi denominazzjonijiet ta’ fidi fis-soċjeta tal-lum”.

Buzek se jiltaqa’ mal-Papa t-Tnejn, tard filgħodu. Wara din il-laqgħa, il-Papa se jiltaqa’ mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone, se jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tas-27 Stat Membru Ewropew għall-Vatikan u fl-aħħar u mhux l-inqas mal-Gran Mastru tal-Ordni ta’ Malta, Matthew Festing.