Il-kwalità tal-ħajja tal-Istat mhix responsabbiltà diretta tal-Knisja. Imma l-Knisja għandha r-rwol li tpoġġi alternattiva ta’ riflessjoni li ġejja mill-mod kif Alla jħares lejn ir-realtà u li fl-ilħna tal-pluraliżmu tallum, l-insara jridu jwassluha b’ħafna modi.
Dan qalu l-Arċisqof Pawlu Cremona OP, meta tkellem f’għeluq konferenza djoċesana li tlaqqet fl-okkażjoni ta’ Jum il-Lajċi Nsara, li l-Knisja f’Malta fakkritu l-Ħadd, 27 ta’ Frar 2011.
Huwa kompla jgħid li kull nisrani għandu joħroġ minn qoxortu u bl-imħabba kollha, imma bla biża jwassal dak li jemmen fih lis-soċjetà, anke permezz ta’ kitbiet fil-gażżetti. Dan ir-rwol biex tinbidel is-soċjetà mhux biss ta’ l-isqof imma tal-insara kollha, għaliex huma wkoll ċittadini.
Kompla jgħid li kien għalhekk li fil-kampanja kontra d-divorzju jrid ikun hemm lajċi li, għaliex huma ispirati minn Ġesù, jkunu kapaċi joħorġu fil-beraħ u jwasslu l-konvinzjonijiet tagħhom. Imma biex isir dan, l-insara jridu jkun ppreparati tajjeb, mhux biex jattakkaw lil l-oħrajn imma biex idawwluhom, għaliex din mhix kruċjata. L-atmosfera trid tkun waħda, fejn dawk li huma mdawwla minn Kristu jħossu l-ħtieġa li jwasslu dan id-dawl li rċevew huma lill-kumplament tas-soċjetà.
Meta rrefera għat-tema tal-konferenza, l-Arċisqof qal li d-dinjità ta’ kull membru fil-Knisja ġejja mill-magħmudija li rċieva. Għalhekk qabel wieħed jitkellem dwar lajċi fil-parroċċa, jrid jiftakar li qabel xejn aħna nsara. Dan ifisser li kull ħidma li nwettaq fil-Knisja ma ssirx għaliex qabbadni xi ħadd imma għaliex jiena mgħammed. Anke l-istess evanġeliżazzjoni tibda mill-fatt li l-Kelma li n-nisrani jkun aċċetta, ġewwa fih issir aħbar tajba, imsieħba b’xewqa kbira li jwassalha lil ħaddieħor.
Għal din il-laqgħa li saret fl-auditorium tal-iskola Santa Monika ta’ Birkirkara, attendew madwar 500 persuna, fil-biċċa l-kbira tagħhom lajċi li lkoll, b’xi mod jew ieħor jwettqu ħidma pastorali fil-parroċċi rispettivi tagħhom.
Tkellem ukoll is-Segretarju Pastorali Mons. Charles Cordina li qal li kull ħidma fil-Knisja, jagħmilha min jagħmilha, trid qabel xejn tkun frott tal-esperjenza personali li kull nisrani jeħtieġlu jagħmel mal-Mulej Ġesù. Huwa saħaq ukoll dwar il-bżonn kbir ta’ formazzjoni soda u dejjiema, li hija wkoll wieħed mill-prijoritajiet li ħarġu mis-Sinodu Djoċesan.
Matul il-laqgħa saret ukoll diskussjoni bejn lajċi u kappillani, dwar diversi aspetti prattiċi tal-ħidma pastorali li l-lajċi jwettqu fil-parroċċa. Kien hemm ukoll numru ta’ interventi minn dawk preżenti.
Issa huwa mistenni li s-Segretarjat għal-Lajċi, li ta’ kull sena jorganizza din il-laqgħa, jagħmel evalwazzjoni dwar l-andament tagħha u dak li ħareġ minnha ħalli flimkien ma’ Segretarjati u entijiet oħra fi ħdan l-Arċidjoċesi jkun jista’ jwettaq dak li hu meħtieġ biex sehem il-lajċi nsara fil-parroċċa joktor u jħalli l-frott mixtieq.
Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]