Is-Segretarjat għall-mezzi ta’ Komunikazzjoni Soċjali organizza seminar għal dawk kollha li b’xi mod huma nvoluti fil-produzzjoni u/jew prezentazzjoni ta’ programmi reliġjużi u soċjo-reliġjużi. Għal dan is-seminar attendew membri mit-team ta’ produzzjoni mic-CAM Productions International, membri mit-TV Unit tal-MediaCentre u membri mill-Komunità Marana Thà li jipproduċu u jippreżentaw il-programm 4given li jixxandar fuq Net TV matul ix-xhur tas-sajf.
Id-dar ta’ produzzjoni ĊAM hija responsabbli mill-programmi Għażliet (Edu 22), Uċuħ (Net TV), Sejjaħtli (Favourite) u bil-Kelma t-Tajba (One) filwaqt li t-TV Unit tal-Media Centre jipproduċi l-programmi Qalbinnies (TVM) u Kelma għall-Ħajja (TVM), u huwa responsabbli wkoll mix-xandira tal-Quddiesa ta’ nhar ta’ Hadd (TVM).
Fl-introduzzjoni tiegħu, id-Delegat tal-Arċisqof għall-mezzi ta’ Komunikazzjoni Soċjali, Fr Charles Tabone O.P. rrefera għad-dinja pluralista u kompettitiva li fiha qed joperaw dawn id-djar ta’ produzzjoni. Huwa sostna li l-iskop tax-xandir ta’ djar bħal dawn mhux li jkunu estenzjoni ta’ dak li jsir fil-Knisja, imma li b’mod sekulari u kreattiv jippruvaw jilħqu l-aktar lil dawk li qegħdin fil-periferija biex jitħajru jiffurmaw parti sħiħa mill-komunità Nisranija.
Dan is-seminar ġie ndirizzat mill-Professur Albert Caruana mill-Faculty of Media and Knowledge Sciences tal-Universita` ta’ Malta u minn Mr Matthew Pullicino diretttur tal-production house: The Bigger Picture – Malta. Il-Professur Caruana ffoka d-diskora tiegħu fuq il-libsa (branding) li jrid jingħata l-messaġġ biex jilħaq il-bniedem tallum fid-diversità kollha tiegħu. Dan jinkludi kemm l-immaġini kif ukoll il-lingwaġġ li jintuża. Is-Sur Pullicino tkellem dwar it-teknika tal-produzzjoni u għamel evalwazzjoni tal-programmi reliġjużi u soċjo-reliġjużi li qed jixxandru fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni.
Agħfas fuq ir-ritratti biex tkabbar.