Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan id-diskors fl-Assemblea Djoċesana jagħtini l-opportunità biex naqsam magħkom ilkoll l-ispirtu ta’ żewġ avvenimenti ekkleżjali importanti li ġraw matul din is-sena u li ħerqan nistenna magħkom is-Sena Mqaddsa 2025.

L-ewwel avveniment ekkleżjali li ħalla marka fuq l-esperjenza tagħna bħala Knisja f’Malta, bħala l-Poplu t’Alla pellegrin f’Malta, kienet iż-żjara tal-Ad Limina tal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex f’Mejju li għadda. Kif forsi tafu, l-aħħar darba li din ġrat kienet fl-2012, 12-il sena ilu. Għalina l-isqfijiet, din kienet l-ewwel żjara Ad Limina fil-ministeru episkopali tagħna. Kellna l-opportunità li nidħlu fi djalogu fejjiedi mad-dikasteri ewlenin tas-Santa Sede.

Jiena grat għax-xogħol ta’ ħafna minnkom li qegħdin hawn illum u tal-konribut siewi tagħkom fit-tfassil tar-rapport ta’ 200 paġna dwar ir-realtà, l-attivitajiet, il-barkiet u l-isfidi tal-Arċidjoċesi.

Tlabna fuq l-oqbra tal-Appostli Pietru u Pawlu f’Santa Maria Maggiore u fil-Katidral ta’ Ruma, San Ġwann Lateran. Ġeddidna l-impenn tagħna lejn il-fidi u l-ministeru tagħna, wassalna l-aspirazzjonijiet u t-tbatijiet tal-popli tagħna sal-għatba (Ad Limina) ta’ dawn il-postijiet sagri ta’ qima u karità.

Il-Papa Franġisku insista li l-ministeru tagħna għandu jagħti xhieda għat-talbiet tal-ħniena.

Il-qofol taż-żjara tagħna kien il-laqgħa li kellna mal-Papa Franġisku. Hu jiftakar b’għożża kbira ż-żjara tiegħu fil-gżejjer tagħna u l-Knejjes lokali tagħna. Il-Papa Franġisku kien infurmat sew. Ħeġġiġna biex naħdmu għall-vokazzjonijiet saċerdotali u l-ħajja reliġjuża; biex nappoġġjaw kultura li tirrispetta l-ħajja umana u d-dinjità umana mit-tnissil sal-mewt naturali. Il-Papa Franġisku insista li l-ministeru tagħna għandu jagħti xhieda għat-talbiet tal-ħniena. Hu rrepeta kemm-il darba: “ħniena, ħniena!”

It-tieni avveniment ekkleżjali importanti għal din is-sena hu t-Tieni Sessjoni tas-Sinodu tal-Isqfijiet li sar f’Ottubru li għadda. Hemm diversi aspetti li se nibqa’ ngħożż mill-esperjenza tas-Sinodu. L-ewwel waħda hi l-ispirtu ta’ djalogu fejn it-350 membru tal-Assemblea kienu miġburin madwar imwejjed tondi ta’ 12-il ruħ. Kull mejda kellha facilitator, u l-parteċipanti kienu magħżula bir-reqqa biex jirrappreżentaw il-varjetà ta’ nies li qed jieħdu sehem fl-Assemblea skont ir-rwol tagħhom fil-Knisja u skont minn liema pajjiż ġejjin.

Is-Sinodu kellu ħames lingwi uffiċjali, imma l-esperjenza unika li rċevejna waqt is-sehem fil-konverżazzjoni spiritwali għaqqdet il-gruppi lingwistiċi kollha flimkien. Kellna l-grazzja li jkollna riflessjonijiet spiritwali mill-Kardinal-elett Patri Timothy Ratcliffe OP u l-preżenza tal-Papa Franġisku fl-assemblej ġenerali kollha.

Grat ħafna li l-Papa ddeċieda li jħabbar id-dokument finali, imfassal u approvat mis-Sinodu, bħala d-dokument definittiv li jimmarka din l-esperjenza. Dokument huwa biss dokument; mhuwiex bakketta maġika. Ma jistax ibiddel l-imħuħ u l-qlub fih innifsu. Iżda hu l-punt tat-tluq, hu mezz ta’ kif tista’ tasal, il-frott ta’ diskussjonijiet sinċiera u viżjoni profetika li jridu jsawru dak li jagħmilna bħala Knisja b’fedeltà għall-fidi tagħna fit-tama u l-imħabba. Issa dħalna fit-tielet fażi tal-vjaġġ sinodali dedikat għat-twettiq tiegħu. Numru ta’ working groups qed jgħinu lis-Santa Sede tiddixxerni fuq temi speċifiċi li ma setgħux jiġu diskussi fl-aħħar sessjoni tas-Sinodu tal-Isqfijiet u aħna se nsegwu l-kontribuzzjonijiet tagħhom b’interess u b’komunjoni mal-Papa Franġisku.

… għandna nħossuna mberkin li nistgħu nisimgħu lil xulxin bi spirtu ta’ libertà, umiltà, kuraġġ u fiduċja reċiproka.

Waqt li kont qed naqsam ir-riflessjonijiet u l-esperjenzi ma’ sħabi tas-sinodu, irrealizzajt xi grazzja għandna fl-Arċidjoċesi tagħna li għandna numru ta’ fora fejn nistgħu niddiskutu u naqsmu l-ideat tagħna. Mhux qed ngħid li kollox jimxi ħarir, imma għandna nħossuna mberkin li nistgħu nisimgħu lil xulxin bi spirtu ta’ libertà, umiltà, kuraġġ u fiduċja reċiproka.

25 sena ilu, l-Arċidjoċesi ta’ Malta kellha l-barka tal-esperjenza tas-Sinodu Djoċesan. Jeħtieġ li nerġgħu nduru lejn dik l-esperjenza u nsibu l-istess entużjażmu li kien inħoloq dak iż-żmien kif bdejna l-millenju permezz tad-deċiżjoni profetika tal-mibki l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca. Nixtieq nirrikonoxxi l-kontribut li ta Mons. Joseph Galea-Curmi, illum l-Isqof Awżiljarju, billi ffaċilita dik l-esperjenza straordinarja u talli kompla jibni fuqha matul is-snin. Napprezza wkoll id-dedikazzjoni tiegħu bħala ħabib u suċċessur tal-Appostli.

Meta fil-laqgħa li aħna l-isqfijiet kellna mal-Papa Franġisku fis-17 ta’ Mejju 2024, staqsejnieh x’kienet ix-xewqa tiegħu għas-Sena Mqaddsa 2025, qalilna: “Una grande festa di misericordia!” (festa kbira ta’ ħniena). Kollha nafu li s-Sena Mqaddsa, li fil-knejjes tagħna se tibda fid-29 ta’ Diċembru 2024, ingħatat ukoll l-isem tas-Sena tat-Tama. Biex nifhmu aħjar l-intenzjoni u l-qalb tal-Papa dwar dan is-suġġett, ippubblikajna l-katekeżi kollha tiegħu bil-Malti dwar il-virtù tat-tama u bi pjaċir kbir se nagħtikom kopja tagħha llum. Nixtieq nirringrazzja lil Francesco Pio Attard minn Għawdex għat-traduzzjoni u lil Patri Paul Darmanin OFM Conv. għall-pubblikazzjoni.

It-tagħlim tal-Papa għandu jiggwidana biex niċċelebraw is-Sena Mqaddsa, miġburin bħala djoċesi u fi gruppi differenti skont il-kategoriji differenti. Imma kif qalilna l-Papa Franġisku mingħajr tidwir mal-lewża, aħna rridu nkunu sinjal ta’ tama għall-kontemporanji tagħna sal-punt li nsiru xhieda tal-ħniena li l-Mulej wera u għadu juri ma’ kull wieħed u waħda minna. Aħna kollha ‘misericordiati‘, biex nikkwota neoloġiżmu li introduċa l-Papa Franġisku. Kollha sibna l-ħniena. Hija l-ħniena li tittrasformana minn bnedmin bla tama (hopeless) għal bnedmin mimlija bit-tama (hopeful).

L-ethos tagħha ta’ kura u tmexxija hu għajn ta’ tama u direzzjoni għall-poplu tagħna. Id-dmir tagħna huwa li niżguraw li dan tassew jibqa’ jsir.

Is-Sena Mqaddsa hija żmien biex nieqfu u ngħidu grazzi għall-ħafna barkiet li għandna. Matul is-sekli, il-Knisja f’Malta kienet u għadha qrib il-poplu. Din hija l-glorja tal-Knisja f’Malta u f’Għawdex. L-ethos tagħha ta’ kura u tmexxija hu għajn ta’ tama u direzzjoni għall-poplu tagħna. Id-dmir tagħna huwa li niżguraw li dan tassew jibqa’ jsir.

Aħna komunità ta’ fidi mogħnija kemm fil-wirt reliġjuż kif ukoll fil-wirt uman. Aħna msejħin ukoll biex ngħożżu t-tradizzjoni ta’ kura u nkunu aħna li nwieġbu għall-ħtiġijiet tal-poplu: minn djar għat-tfal u għall-anzjani, għal ċentri tal-komunità (Caritas), għal sapport fil-kura paljattiva (St Michael Hospice/Adelaide Cini); għal li nitimgħu lil min hu bil-ġuħ (food banks u soup kitchens); għall-promozzjoni ta’ żvilupp u empowerment għat-tfal u ż-żgħażagħ b’diżabbiltà (Dar Saura). Dawn huma kollha eżempji konkreti u attwali tal-ispirtu li jmexxi lill-Knisja f’Malta.

Il-Knisja f’Malta taħdem bi sħiħ biex twassal il-Vanġelu tal-Ħajja u l-Imħabba billi timpenja ruħha fil-missjoni tagħha tal-Kelma u tas-Servizz, permezz ta’ ħafna inizjattivi li jeħtieġu formazzjoni u taħriġ kontinwu ta’ nies, titjib kontinwu u l-iffinanzjar ta’ riżorsi u servizzi.

Għal dan il-għan, u għas-servizz tal-missjoni tagħha u tal-ġid komuni, il-Knisja f’Malta hija impenjata tkun ta’ eżempju fl-amministrazzjoni finanzjarja u fil-kura tal-patrimonju kulturali tagħha.

Wara l-ftehim tal-1992 bejn il-Knisja u l-Istat, il-Knisja ċediet ħafna mill-propjetajiet tagħha lill-Istat bi prezz ‘soċjali’. B’riżultat ta’ dan, il-Knisja kellha ddur fuq l-investimenti finanzjarji biex issostni l-operat tagħha, u biex tikkumpensa l-ħidma u tiżgura l-għajxien tal-kleru u l-lajċi, it-tkomplija ta’ inizjattivi pastorali, il-konservazzjoni tal-knejjes, l-impenn li t-tfal tagħna jkollhom aċċess għall-edukazzjoni, xelters għall-vulnerabbli, u ikel għal dawk fil-bżonn, li kulma jmur iż-żmien dejjem qed tiżdied il-ħtieġa.

Ftit tal-jiem ilu, il-Papa Franġisku fakkarna li l-Knisja mhix maqtugħa mill-foqra. Anzi, hu qal: “Ir-realtà hi li aħna nsiru l-Knisja ta’ Ġesù sal-punt li naqdu lill-foqra.”

Il-Papa ħeġġeġ lill-Insara biex jagħtu kas ukoll lill-mod kif jgħixu kuljum, billi jagħtu kas tal-istil ta’ ħajja u l-ambjent ta’ madwarhom. Huwa saħaq fuq il-bżonn “li jkollna ħeġġa għall-ġustizzja, dedikazzjoni biex naqsmu dak li għandna mal-ifqar, u l-impenn soċjali u politiku biex intejbu r-realtà li ninsabu fiha.”

Dak li jgħodd, u li dejjem hekk kien, huwa kif jintefqu dawn il-flus, u li jiġi żgurat li dawn jaslu għand dawk li l-aktar għandhom bżonnhom.

Ir-realtà li jitkellem dwarha l-Papa tista’ tkun possibbli biss jekk il-Knisja jkollha l-mezzi biex tgħin lill-foqra: dan permezz tal-vokazzjoni tagħha li sservi, billi tagħti l-proprjetà tagħha, u, iva, anke permezz tad-dħul li l-Knisja kapaċi tiġġenera. Għal snin twal, il-Knisja f’Malta rnexxielha tiġbor fondi minn diversi sorsi, u m’hemm xejn ħażin f’dan. Dak li jgħodd, u li dejjem hekk kien, huwa kif jintefqu dawn il-flus, u li jiġi żgurat li dawn jaslu għand dawk li l-aktar għandhom bżonnhom.

Jien nixtieq nirringrazzja lill-Arċisqof Mercieca, li ddeċieda snin ilu, li ta’ kull sena jiġu ppubblikati l-accounts tal-Arċidjoċesi għax dik ukoll qed tagħti sodisfazzjon lill-Poplu t’Alla, minn fejn qed jiġu l-flus u kif qed jintefqu. Il-kwistjoni ta’ kontabbiltà. Għandna t-tradizzjoni tagħha.

Jien nemmen li jekk il-Knisja ċċedi r-rwol tagħha ta’ karità u tħalli f’idejn negozji kbar, tkun qed tonqos mill-missjoni tagħha lejn il-Poplu ta’ Alla, kif ukoll mir-responsabbiltajiet tagħha, u tkun qed titlef ir-relevanza tagħha – ir-raġuni tal-eżistenza tagħha – fis-soċjetà, b’mod speċjali tal-lum.

Fl-aħħar ġimgħat saru diversi kummenti dwar il-Bank APS.

Għal dawn l-aħħar sentejn l-APS kienet kumpanija kkwotata pubblikament fuq il-Borża ta’ Malta, u għalhekk suġġett għal liġijiet u regolamenti stretti tas-suq. Bħala l-ikbar shareholder tal-bank, l-Arċidjoċesi hija marbuta bil-liġi li ma tagħmilx kummenti fil-pubbliku li jistgħu jkollhom impatt fuq is-suq finanzjarju. Din hija l-liġi u rridu nosservawha. Li se ngħid hu li għall-kuntrarju ta’ dak li ssuġġerew xi wħud, dan is-suġġett hu ’l bogħod ħafna milli jkun fatt kompjut.

Hemm xi punti li nixtieq nagħmel:

L-ewwel nett, ma ninsewx li l-Knisja qatt ma ddeċidiet li twaqqaf jew tkun sid ta’ bank. Fl-1947, l-Arċidjoċesi ta’ Malta wirtet l-attivitajiet tal-Unione Cattolica San Giuseppe (qabel kienet Lega dell’Appostolato della Preghiera), wara li l-ħidma tal-Unione kienet imfixkla mit-Tieni Gwerra Dinjija. Wara, l-Apostleship of Prayer Savings Bank (APS) ġie liċenzjat mill-Bank Ċentrali ta’ Malta u ilu jopera b’mod etiku u mingħajr ebda kontroversja għal dawn l-aħħar 50 sena.

Ma ninsewx ukoll li l-Knisja f’Malta u Għawdex ħadet deċiżjonijiet importanti li mmarkaw l-identità tal-APS bħala bank kummerċjali li dan l-aħħar ġie kkwotat fuq is-suq finanzjarju.

Matul l-istorja tiegħu, l-APS kellu rwol importanti biex l-Arċidjoċesi tkun tista’ tħares ’il quddiem bi tmexxija responsabbli u sostenibbli.

Barra minn hekk, l-Arċidjoċesi:

  1. ippromwoviet l-istatus tal-APS bħala bank etiku b’ethos li żamm reputazzjoni għolja u jpoġġi lill-klijent fiċ-ċentru;
  2. kienet kawta u wriet fiduċja fl-għażla tan-nies magħżula mix-shareholders sabiex iservu fuq il-Bord tad-Diretturi;
  3. assigurat li l-bank jkun ta’ servizz għall-ġid komuni;
  4. għarfet li l-bank jipprovdi sors garantit ta’ dħul u likwidità għall-Knisja;
  5. u reċentement, id-deċiżjoni li l-Knisja tkompli tnaqqas il-perċentwal tal-ishma tagħha fil-bank — u b’hekk tnaqqas l-influwenza tagħha — mingħajr ma tnaqqas l-investiment.

Mingħajr ma nnaqqas bl-ebda mod il-mertu tal-kontribut tal-kleru u tal-lajċi b’reazzjoni għall-ispekulazzjoni reċenti, huwa importanti ħafna li nenfasizza żewġ punti fundamentali:

  1. id-dixxerniment tar-rwol tal-Arċidjoċesi ta’ Malta f’dak li jikkonċerna l-APS dejjem kien u se jibqa’ jsir b’mod kolleġġjali mill-Kumitat Finanzjarju Djoċesan (KFD) u l-Kunsill Rappreżentattiv Djoċesan (KRD);
  2. madankollu, id-dixxerniment ma jistax ikun ibbażat fuq spekulazzjoni, iżda fuq fatti.

Ġaladarba jiġu stabbiliti l-fatti, b’mod uffiċjali kif titlob il-liġi, nassigurakom li se jsir dixxerniment fil-fora kollha meħtieġa fi spirtu ta’ djalogu sinċier biex jiġi żgurat it-twettiq u l-implimentazzjoni tal-ħames punti li semmejt aktar qabel.

Dan huwa żmien ta’ gratitudni u viġilanza. Qed inġorru dawl li mhux tagħna; aħna mimlija b’tama li hi don tal-ħniena. Aħna u nimxu flimkien, ejjew nirringrazzjaw lill-Mulej għat-tjubija tiegħu u nitolbuh umilment jagħmilna dixxipli missjunarji veri tal-imħabba u l-ħniena tiegħu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta