Il-Qorti Ewropea tad-drittijiet umani tat sentenza kontra l-użu tal-kurċifiss fil-klassijiet tal-iskola fl-Italja. Qalet li l-prattika tikser id-drittijiet tal-ġenituri li jedukaw lil uliedhom kif iħossu li hu l-aħjar, minbarra li tmur kontra d-dritt tal-liberta reliġjuża tat-tfal. Il-każ tqajjem minn omm Taljana, Soile Lautsi, li trid tagħti lil uliedha edukazzjoni sekulari.
Is-sentenza tal-Qorti ġabet rabja qawwija fl-Italja, pajjiż fil-maġġoranza tiegħu nisrani Kattoliku. Politiċi ħarġu jesprimi d-delużjoni tagħhom għas-sentenza, b’uħud isejħulha “tal-mistħija” u “bla sens”.
Il-Qorti ta’ Strasburgu sabet li “l-espożizzjoni ta’ bilfors ta’ tali simbolu f’binjiet użati mill-awtoritajiet pubbliċi…jirrestrinġi d-dritt tal-ġenituri li jedukaw lil uliedhom f’konformita mat-twemmin tagħhom”. Stqarrija maħruġa mis-seba’ mħallfin li mexxew il-każ, żiedet li tali espożizzjoni “tirrestrinġi wkoll id-dritt tat-tfal li jemmnu jew li ma jemmnux”.
Lautsi ilmentat mal-Qorti Ewropea li uliedha kellhom jattendu skola fin-naħa ta’ fuq tal-Italja fejn kien hemm kurċifissi f’kull klassi. Il-Qorti tatha kumpens ta’ 5,000 ewro. Għadd ta’ politiċi fl-Italja, intant, irreaġixxew b’rabja għas-sentenza. Il-Ministru għall-Edukazzjoni qalet li “l-kurċifiss huwa għalina simbolu tat-tradizzjoni tagħna” mhux marka tal-Kristjaneżmu. Ministru ieħor tal-Gvern sejjaħ is-sentenza “tal-mistħija” waqt li ieħor qal li “l-Ewropa qed tinsa l-għeruq insara tagħha”.
Il-Gvern qal li se jappella mid-deċiżjoni tal-Qorti waqt li l-Vatikan qal li qed isegwi bir-reqqa u jeżamina s-sentenza qabel jikkummenta.