L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Is-sliem għalikom” (Lq 24:36). Din hija t-tislima li jagħti Ġesù meta jidher lid-dixxipli tiegħu wara li qam mill-mewt. U kull meta jiltaqa’ magħhom, dejjem jagħtihom din it-tislima: “is-sliem għalikom”. Hija mhux biss tislima, imma hi fil-fatt realtà, għaliex Ġesù hu dak li jġib tassew il-paċi fil-qalb tad-dixxipli tiegħu. Niftakru li kien qalilhom dan fl-Aħħar Ċena, bħalma naqraw fl-Evanġelju skont San Ġwann: “Jien inħallilkom is-sliem. Nagħtikom is-sliem tiegħi. Ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja” (Ġw 14:26).
Taħwid u biża’
Id-dixxipli kellhom bżonn is-sliem ta’ Ġesù, għax f’qalbhom kellhom ħafna taħwid u konfużjoni. Kienu għaddew mill-esperjenza hekk iebsa tal-mewt ta’ Ġesù, meta raw lil Ġesù, li tant ħabbew u emmnu fih, jispiċċa msallab. Għalhekk kienu għaddejjin minn żmien tassew diffiċli. U Ġesù waqaf f’nofshom u l-ewwel li qalilhom “is-sliem għalikom” biex jagħtihom dik is-serenità fil-qalb li hu biss jista’ jagħtiha.
Hemm ħaġ’oħra li Ġesù jagħmel u li smajna fl-Evanġelju skont San Luqa. Mhux biss jagħtihom is-sliem imma wkoll jagħmlilhom il-qalb, jagħtihom il-kuraġġ li kellhom bżonn. Dan ukoll jgħaqqad ma’ dak li kien qalilhom fl-Aħħar Ċena: “Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’” (Ġw 14:27). Imma nafu li kienu qed jgħixu fil-biża’ dawn id-dixxipli, speċjalment wara l-mewt ta’ Ġesù, u Ġesù ried li jagħmlilhom kuraġġ, li lilhom jippreparahom għall-mument meta jinżel fihom l-Ispirtu s-Santu. Għalhekk fl-aħħar tal-Evanġelju jsemmi llum: “Sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu” (Lq 24:49). Hemmhekk, f’Għid il-Ħamsin, jagħmilhom nies li joħorġu u jħabbru bla biża’ ta’ xejn l-Aħbar it-Tajba.
Għalhekk serenità u kuraġġ – it-tnejn narawhom b’mod daqshekk ċar illum fl-Evanġelju. Ġesù jrid jagħtihom lid-dixxipli tiegħu, u permezz ta’ dawn jagħmel id-differenza kollha fil-ħajja tagħhom.
L-ewwel referendum
Nafu li, fil-fatt, dawn kellhom effett, għax kif rajna fl-Ewwel qari mill-Atti tal-Appostli, Pietru joħroġ u jwassal l-Aħbar it-Tajba bla biża’. Fejn qabel kien mal-oħrajn qed jibża’, hawn joħroġ u jitkellem bla biża’. Jgħid lin-nies: intom lil Ġesù ċħadtuh imma issa Ġesù hu ħaj.
Ara kemm jitkellem ċar: ifakkarhom f’Pilatu, meta Pilatu għamel dak l-ewwel referendum bejn Ġesù u Barabba: lil min minnhom jeħles u min imur għall-mewt. U nafu x’għażlu n-nies. Fil-fatt Pietru jgħidha b’mod ċar: “Tlabtu l-ħelsien ta’ wieħed qattiel u qtiltu lill-awtur tal-ħajja” (Atti 3:14). Ara b’liema kuraġġ jitkellem Pietru, b’mod ċar, għax hemm kien irċieva l-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla.
Hemmhekk Pietru jgħidilhom xi ħaġa importanti ħafna: “Indmu, u erġgħu lura minn dnubietkom biex jinħafrulkom” (Atti 3:19), bħalma Ġesù jgħid fl-Evanġelju llum: “l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha” (Lq 24:47). Pietru seta’ jitkellem mill-esperjenza tiegħu, għax hu hekk għamel: wara li ċaħad lil Ġesù, nidem, u Alla ħafirlu.
Serenità u kuraġġ. Dan huwa li għandna bżonn ħafna llum fil-ħajja tagħna. Il-kelma ta’ Alla tħeġġiġna biex inħarsu lejn Ġesù ħaj u fih insibu tassew dak li jagħtina l-paċi fil-qalb, is-serenità, kif ukoll il-kuraġġ li għandna bżonn.
Fl-esperjenza tal-ħajja tagħna
Għandna bżonnhom ħafna fil-ħajja tagħna, għax hemm affarijiet li f’qalbna joħolqulna il-konfużjoni, it-taħwid, il-biża’. U għalhekk għandna bżonn ħafna din il-paċi tal-qalb li jagħtina l-Mulej. U għandna bżonn ukoll il-kuraġġ, biex aħna ma naqtgħux qalbna, biex aħna ma narmux lilna nfusna imma nkomplu naħdmu, nissieltu, għal dak li hu tajjeb u li għallimna Ġesù. L-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu hu li naqtgħu qalbna u ngħidu: illum, x’tista’ tagħmel, il-ħajja mhux hekk? U nimxu mal-kurrent. Ġesù mhux hekk iridna. Għalhekk lid-dixxipli jgħidilhom biex ikunu xhieda tiegħu. Iridna li b’kuraġġ inkomplu ngħixu l-kelma tiegħu u nwassluha lill-oħrajn.
Meta Ġesù jagħtina s-serenità u l-kuraġġ, ma jfissirx li aħna ma ngħaddux minn żmien diffiċli, u żmien meta kultant naraw kollox ikrah u kollox dlam. Imma jfisser li f’dawn il-mumenti aħna nagħrfu li għandna lilu li lilna jmexxina ’l quddiem biex ma naqtgħux qalbna. Ma jfissirx li ma nsibux ostakli biex ngħixu l-ħajja tagħna Nisranija, imma jfisser li f’dawn l-ostakli għandna lilu li lilna jagħtina l-kuraġġ ħalli nistgħu negħlbuhom u nimxu ’l quddiem.
Għalhekk din hi t-talba li nixtieq nagħmel illum għalina lkoll preżenti għall-quddiesa u wkoll għal dawk kollha li qegħdin isegwuna. Nitlob li l-Mulej jagħtina s-serenità u l-kuraġġ, mibnija fuq il-verità li Ġesù hu ħaj. Fl-Evanġelju, Ġesù jgħidilhom: “Araw idejja u riġlejja. Jiena hu” (Atti 24:39). Qed jgħidilhom: jiena l-istess Ġesù li issa ħaj, li għelibt il-mewt. Tistgħu taraw meta tħarsu lejja u tmissuni.
Nitolbu lill-Mulej biex fil-ħajja tagħna jagħtina l-paċi fil-qalb u s-serenità, u l-kuraġġ biex qatt ma naqtgħu qalbna imma nibqgħu dejjem mexjin bl-għajnuna u bil-qawwa ta’ Ġesù li huwa ħaj.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju