Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-Ħadd it-tajjeb!

Illum l-Evanġelju joħodna lura lejn l-Għid filgħaxija. L-Appostli huma miġburin fiċ-Ċenaklu, x’ħin minn Għemmaws jaslu lura ż-żewġ dixxipli biex jirrakuntaw il-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù. U filwaqt li jkunu jesprimu l-ferħ tal-esperjenza li kienu għaddew minnha, l-Irxoxt jidher lill-komunità kollha. Ġesù jasal propju fil-ħin li huma qed jaqsmu flimkien ir-rakkont tal-laqgħa miegħu. Dan iġiegħlni nifhem kemm hu importanti li naqsmu l-fidi ma’ xulxin.  Dar-rakkont ifakkarna fl-importanza li naqsmu l-fidi tagħna f’Ġesù Rxoxt, bejnietna.

Kuljum aħna bbumbardjati mill-eluf ta’ messaġġi. Mhux ftit minnhom huma superfiċjali u inutli, oħrajn huma kurżitajiet indiskreti jew, agħar minn hekk, li jinbtu mill-pettegolezzi u mill-malizzja. Huma aħbarijiet bla siwi, anzi jagħmlu d-deni. Imma jkollna wkoll aħbarijiet sbieħ, pożittivi, kostruttivi, u nafu kemm hu ta’ fejda għalina meta nisimgħu t-tajjeb, u kemm inħossuna aħjar meta jiġri dan. U huwa sabiħ ukoll li naqsmu bejnietna realtajiet, li fil-ġid jew fid-deni, jkunu messewlna ħajjitna, biex inkunu nistgħu ngħinu lill-oħrajn.

Madankollu hemm ħaġa li spiss inħossuha bi tqila nitkellmu dwarha. Fuq xiex insibuha bi tqila nitkellmu? Dwar l-isbaħ ħaġa li nistgħu nirrakkuntaw: il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù. Kollha kemm aħna ltqajna ma’ Ġesù, iżda nsibuha bi tqila nitkellmu dwarha. Ilkoll kemm aħna nistgħu ngħidu dan: naraw kif il-Mulej missna, u dan naqsmuh, mhux bl-arja ta’ min irid jgħallem lil ħaddieħor, imma billi naqsmu ma’ ħaddieħor il-waqtiet uniċi li fihom ħassejna l-Mulej ħaj, qrib, li kien jixgħel il-ferħ fi qlubna, li kien qed itina l-fiduċja u l-faraġ, il-forza u l-entużjażmu, inkella l-maħfra, it-tenerezza. Dawn il-laqgħat, li lkoll kemm aħna kellna ma’ Ġesù, hemm bżonn naqsmuhom, ngħadduhom lill-oħrajn. Importanti nagħmlu dan fil-familja, fil-komunitajiet, mal-ħbieb. Kif hu tajjeb ukoll nitkellmu dwar l-ispirazzjonijiet tajbin li orjentawlna ħajjitna, il-ħsibijiet u s-sentimenti tajbin li huma ta’ għajnuna kbira biex nibqgħu mexjin ‘il quddiem, u wkoll l-isforzi u t-tbatija li ngħaddu minnhom biex nifhmu u biex insaħħu l-ħajja tal-fidi tagħna, forsi wkoll biex nindmu u ndawru triqtna lura. Jekk nagħmlu dan, Ġesù, kif ġara lid-dixxipli ta’ Għemmaws dakinhar tal-Għid filgħaxija, jissoprendina u l-laqgħat ta’ bejnietna u l-ambjenti tagħna jagħmilhomlna isbaħ. 

Ejjew allura niftakru, issa, f’waqt qawwi f’ħajjitna, f’laqgħa deċisiva ma’ Ġesù. Kull wieħed u waħda minnha għaddejna minn din l-esperjenza, kollha kemm aħna kellna xi laqgħa mal-Mulej. Noqgħodu ftit fis-skiet u niftakru: meta kien li jien sibt lill-Mulej? Meta kien li l-Mulej ġie qribi? Naħsbu ftit dwar dan fis-skiet. U dil-laqgħa mal-Mulej, qatt qsamtha ma’ xi ħadd ieħor biex hekk nagħti glorja lill-Mulej? U wkoll, tajt widen lil ħaddieħor meta kien ikellimni dwar dil-laqgħa ma’ Ġesù?

Il-Madonna tgħinna naqsmu l-fidi biex il-komunitajiet tagħna nagħmluhom dejjem aktar imkejjen ta’ laqgħa mal-Mulej.

Sors: laikos.org