Il-Ħamis 21 ta’ Jannar 2010, filgħaxija, f’St Andrew’s Scots Church, il-Belt Valletta, sar Servizz Ekumeniku ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara. Dan kien il-qofol tal-attivitajiet li saru u qed isiru fl-Arċidjoċesi matul din il-Ġimgħa Ekumenika li bdiet nhar it-Tnejn, 18 ta’ Jannar 2010, u tiġi fi tmiemha nhar it-Tnejn 25 ta’ Jannar 2010.
It-tema tas-servizz – tema li hija komuni għal kull fejn hemm l-insara fid-dinja – kienet “Intom xhud ta’ dan” (Lq 24:48), kliem Ġesu’ lill-Appostli tiegħu wara l-Qawmien tiegħu mill-imwiet. Is-servizz ekumeniku beda b’kelmtejn ta’ merħba minn Mr Paul Slater li huwa lay preacher Metodista. Huwa fisser ir-raġunijiet għaliex għas-servizz ta’ din is-sena ngħażlet propju l-Knisja tal-Iskoċċiżi. Spjega kif din is-sena qed jitfakkar iċ-ċentinarju tal-World Missionary Conference li sar f’Edinburgh, l-Iskozja, fl-1910, u li kien il-bidu tal-Moviment Ekumeniku.
Is-servizz ekumeniku kien jikkonsisti f’qari ta’ siltiet mill-Iskrittura, kant, u talb ta’ interċessjoni li kien iffukat fuq ix-xewqa u l-impenn għall-għaqda fost l-insara mifrudin. Saret l-Istqarrija tal-Fidi, ng]ata sinjal ta’ paċi fost dawk preżenti, saret it-talba tal-Missierna u sar it-tiġdid tal-impenn ekumeniku minn dawk kollha preżenti.
F’dan is-servizz saret ir-riflessjoni minn Dun Rene’ Camilleri. Fl-omelija tieg]u huwa fisser il-ħtieġa ta’ xhieda fis-soċjeta’ frammentata u postmoderna tal-lum. Qal li l-fatt li nġabret folla nies biex titlob u tagħti xhieda huwa sinjal qawwi li l-istqarrija ta’ Ġesu’ lill-Appostli fiċ-ċenaklu – Intom xhud ta’ dan – għadha minnha. Dun Rene’ fisser ir-rabta bejn ix-xhieda u l-profezija. Id-dinja tal-lum, bħal dik ta’ kull żmien, teħtieġ profeti. Huwa qal li mhuwiex faċli tiddefenixxi x’inhu profeta llum. Hawn huwa qara silta mill-kitbiet ta’ Elie Wiesel, Premju Nobel għall-Paċi, li jgħid li l-profeta huwa bniedem li qed ifittex, u li hu mfittex. Huwa bniedem li jisma’, u bniedem li jiġi mismugħ. Il-profeta huwa dejjem attent; qatt ma hu indifferenti, speċjalment quddiem l-inġustizzji. Huwa l-ħabbar ta’ Alla għall-bniedem, u l-ħabbar tal-bniedem għal Alla.
Dun Rene’ kompla jfisser ir-rilevanza tal-messaġġ nisrani, u li dan il-messaġġ, huwa r-responsabilta’ tal-insara kollha. Hawn huwa semma lit-teologu Schillebeeckx li miet ix-xahar li għadda, u li kien isostni li m’għandniex nitkellmu dwar ix-xhieda nisranija mhux bħala messaġġ li sar esperjenza, imma dwar esperjenza li saret messaġġ.
Is-servizz ekumeniku kien organizzat mill-Malta Ecumenical Council bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana. Fost is-saċerdoti u l-pastors preżenti, kien hemm rappreżentanza Kattolika, Anglikana, Serba Ortodossa, Metodista, Luterana u mis-Seventh Day Adventists.
Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]
Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, ħalli l-kummenti tiegħek.