Pope Benedict XVI leading the Concistory in St Peter's Basilica

Il-Papa Benedittu XVI ħatar sitt kardinali ġodda. Dawn il-kardinali ġejjin minn pajjiżi mhux Ewropej u l-ħatra tagħhom saret is-Sibt filgħodu fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.

Il-kardinali, li se jaħdmu qrib il-Papa ġejjin mill-Filippini, l-Indja, il-Libanu, in-Niġerja, il-Kolumbja u l-Istati Uniti.

Il-Papa fid-diskors tal-okkażjoni qal li l-Knisja Kattolika tappartjeni lir-razza umana kollha, mhux biss lil grupp wieħed. Huwa kompla jgħid li l-Knisja qiegħda hemm għal kulħadd.

Wara dawn il-ħatriet il-ġodda, il-Kulleġġ tal-Kardinali hu magħmul minn 211-il membru li  120 minnhom huma ta’ inqas minn 80 sena u għalhekk eleġibbli jivvutaw f’konklavi għall-ħatra ta’ Papa ġdid.

Fiċ-ċelebrazzjoni, wara t-talba tad-dħul u l-qari tal-Vanġelu, il-Papa għamel l-omelija, segwita mill-proklamazzjoni sollenni tal-formola użata fil-ħatra tal-Kardinal ġodda, b’ismijiethom u d-djakonat jew l-ordni presbiterali li għaliha kienu assenjati. Il-Kardinali l-ġodda mbagħad qalu l-Kredu  u ħadu l-ġurament tal-ħatra b’fedelta u ubbidjenza lejn il-Papa u s-suċċessuri tiegħu.

Il-Kardinali l-ġodda huma James Michael Harvey, Bechara Boutros Rai O.M.M., Baselios Cleemis Thottunkal, John Olorunfemi Onaiyekan, Ruben Salazar Gomez and Luis Antonio G. Tagle.