-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
21 ta’ Settembru 2018Aħna l‑Maltin u l‑Għawdxin bir‑raġun niċċelebraw il‑Jum tal‑Indipendenza għaliex f’dan il‑jum fl‑1964 Malta twieldet bħala stat sovran u indipendenti fi ħdan il‑komunità tal‑ġnus. Kienet ħolma antika u t‑temma ta’ triq twila li kompliet isseħħ fis‑snin ta’ wara. Illum insellmu wkoll lill‑Maltin kollha li ħadmu biex Malta, għalkemm ċkejkna ħafna, ikollha leħen fost il‑komunità tal‑istati sovrana.
Il‑kelma ‘indipendenza’ fiha nnifisha għandha l‑preġju li tindika l‑poter u l‑ġurisdizzjoni awtonoma ta’ stat, mingħajr indħil jew imposizzjoni minn stat jew poter ieħor; tindika, fi kliem ieħor, il‑ħelsien mill‑ħakma kolonjali. F’dan is‑sens timplika u tindika proċess li għandu għeruq fis‑snin ta’ qabel l‑1964 u li kompla u jkompli wara. Mill‑banda l‑oħra l‑kelma ‘indipendenza’ għandha wkoll il‑limiti tagħha: iva, l‑istati sovrani huma indipendenti minn xulxin f’dak li hu sovranità u awtonomija tal‑poter iżda huma wkoll interdipendenti. L‑istati għandhom bżonn jaħdmu flimkien u fil‑fatt jiddependu minn xulxin għall‑ġid taċ‑ċittadini tagħhom. Wara t‑traġedja taż-żewġ gwerrer qerrieda (li l‑ewwel waħda minnhom intemmet mitt sena ilu fl‑1918), l‑Ewropa ħasset il‑bżonn ta’ struttura ekonomika u mbagħad politika li tassiguralha l‑paċi.
Dan kien il‑prinċipju bażiku li l‑fundaturi tal‑Unjoni Ewropea ħaddnu u ppromovew fil‑ħolma tagħhom li llum saret realtà. Huma fehmu li l‑paċi trid tinbet fis‑solidarjetà bejn in‑nazzjonijiet. Huma fehmu wkoll li jekk kulħadd imur għal rasu, naslu biex fl‑aħħar mill‑aħħar inkissru lil xulxin. Illum, forsi iżjed minn qatt qabel, għandna bżonn niftakru f’dawn il‑prinċipji fundamentali.
Is‑sitwazzjoni preżenti ta’ ħafna popolazzjonijiet fl‑Ewropa u madwar id‑dinja donnha tagħti aktar valur l‑interess individwali u nazzjonali milli l‑interess komuni tal‑familja tal‑ġnus. Illum għandna bżonn il‑vuċi profetika tas‑solidarjetà: solidarjetà bejn l‑istati differenti u bejn il‑ġnus; solidarjetà fil‑politika soċjali interna tal‑istat; u solidarjetà interġenerazzjonali, jiġifieri s-solidarjetà bejn il‑ġenerazzjonijiet.
Aħna l‑Maltin, minħabba ċ‑ċokon tagħna u fl‑istess ħin minħabba l‑pożizzjoni strateġika ta’ pajjiżna, minn dejjem fehemna u ppromovejna s‑solidarjetà internazzjonali. F’dan il‑mument tal‑istorja ta’ pajjiżna, il‑Gvern Malti bir‑raġun jappella għall‑prinċipju tas‑solidarjetà bejn il‑pajjiżi sħabna fl‑Unjoni Ewropea biex ikun hemm risposta adegwata u effikaċi għall‑fenomenu tal‑immigrazzjoni. Meta l‑piż jitqassam, jeħfief, mentri l‑kriżi fis‑solidarjetà thedded il‑pedament li fuqu hija mibnija l‑Unjoni Ewropea, thedded ukoll lill‑istess soċjetà tal‑ġnus.
Aħna u nfakkru fil‑ħtieġa tas‑solidarjetà nifhmu li qegħdin nimpenjaw ruħna li nuru solidarjetà ma’ min qiegħed fi bżonn urġenti ta’ għajnuna għaliex qiegħed jaħrab minn ambjent kiefer ta’ disprezz vjolenti tad‑dinjità tal‑bniedem; qiegħed jaħrab minn destin aħrax ta’ skajvitù, u saħansitra tortura u mewt.
Is‑solidarjetà hija wkoll valur essenzjali fil‑ħajja tas‑soċjetà Maltija. Dan jixhduh kemm il‑politika soċjali li ħaddan l‑Istat Malti sa minn qabel l‑Indipendenza u li kompliet titwettaq mill‑gvernijiet kollha mill‑Indipendenza ’l hawn, kif ukoll il‑koperazzjoni u l‑għajnuna li l‑Istat Malti dejjem wera u ta lill‑aġenti soċjali li jippromwovu ħidma soċjali li tiżgura l‑ġid ta’ kulħadd. Fost dawn hemm il‑Knisja, pijuniera f’ħafna oqsma ta’ ħidma soċjali, iżda mhux biss. Illum għandna diversi inizjattivi siewja mmexxija minn diversi gruppi fis‑soċjetà li huma ispirati mill‑ħtieġa u l‑benefiċċji tas‑solidarjetà.
Il‑Papa Franġisku, fl‑enċiklika Laudato si’ jfakkarna li kollox u kulħadd huwa konness jew aħjar interkonness. Is‑solidarjetà tiżgura li l‑piż ta’ wieħed jinqasam kif ukoll jinqasam il‑ġid għal kulħadd. Nifhmu li meta l‑ekonomija tkun sejra tajjeb, kif tassew hi, is‑solidarjetà ssir iżjed faċli. Iżda nifhmu wkoll li l-fqar dejjem magħna (Mt 26:11) u li l‑faqar ġdid jitlob minna lkoll risposti ġodda ta’ solidarjetà.
L‑aħħar kelma tiegħi llum hija dik li tfakkar fil‑ħtieġa urġenti ta’ solidarjetà interġenerazzjonali, is‑solidarjetà bejn il‑ġenerazzjonijiet. Il‑Papa Franġisku jisħaq fuq il‑ħtieġa ta’ solidarjetà li ma tħarisx biss lejn l‑effett immedjat tad‑deċiżjonijiet li nieħdu iżda wkoll tħares lejn l‑effett li d‑deċiżjonijiet tal‑ġenerazzjoni tagħna se jkollhom fuq il‑kwalità tal‑ħajja tal‑ġenerazzjonijiet futuri li għadhom ma twildux. Fost dawn id‑deċiżjonijiet hemm dawk li jaffettwaw il‑patrimonju ambjentali ta’ pajjiżna, il‑patrimonju kulturali, storiku, arkitettoniku u arkeoloġiku ta’ din l‑art ħelwa li tatna isimha. Kull deċiżjoni li nieħdu llum se taffettwa l‑kwalità tal‑ħajja tagħna iżda wkoll ser taffettwa, għall‑ġid jew għad‑deni, il‑kwalità tal‑ħajja tal‑ġenerazzjonijiet futuri. Magħhom ukoll għandna d‑dover u l‑opportunità nuru solidarjetà.
Għalhekk, fil-jum li fih niċċelebraw l-independenza tan-nazzjon tagħna niftakru li dan il-pass ġab miegħu responsabbiltà kbira għalina bħala poplu: ir-responsabbiltà li ngħixu s-solidarjetà ma’ popli oħra, bejnietna l-Maltin u l-Għawdxin, u ma’ dawk li ser jiġu warajna.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
-
-
-