Fi Spanja, “il-kriżi ekonomika qed tippersisti u l-qgħad flok se jonqos, qed jiżdied. Għadd ta’ kumpaniji, speċjalment dawk żgħar u medji, mhux qed ikampaw. Dawn iċ-ċifri allarmanti ma jistgħux jaħbu l-fatt li l-istess ċifri jirrappreżentaw nies; familji li għandhom problema serja biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet bażiċi tagħhom, bħall-ikel, bżonnijiet tad-dar u edukazzjoni”.
Dan iddikjarah il-Kardinal Antonio Maria Ruoco Varela, fi ftuħ l-Asemblea Plenarja tal-Konferenza tal-Isqfijiet Spanjoli.
“F’ħafna djoċesijiet – fakkar il-kardinal – qed jingħad anki talb apposta li żdied maċ-ċelebrazzjoni liturġika, talb sabiex tintemm mill-iktar fis posibbli s-sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika. Nittamaw li dat-talb jinstema’”.
Kif jgħid il-Papa Benedittu XVI fl-enċiklika tiegħu Caritas in Veritate, il-kriżi attwali “għandha ssir opportunita biex tkun iffaċjata s-sitwazzjoni tal-familja umana llum. L-ekonomiji iktar b’saħħithom u dawk li għandhom iktar riżorsi umani u finanzjarji jidhru li diġa qed jaraw tmiem il-kriżi. Għaldaqstant il-problema tal-ġuħ għal miljuni ta’ tfal qed tippersisti u hemm it-theddida li tiżdied”.
Skont il-Kardinal, “kulħadd għandu jżomm f’moħħu li l-iktar mod san għall-iżvilupp tal-pajjiżi l-fqar għandu jkun pjan għal soluzzjoni tal-kriżi globali internazzjonali, pjan li jħares lejn is-soluzzjonijiet mhux biss minn perspettiva universali imma anki minn perspettiva etika”.