Ftit tal-jiem ilu ġiet fi tmiemha l-Konferenza tad-Diretturi Ewropej ta’ Missio li din is-sena inżammet f’Malta bejn l-14 u s-16 ta’ Frar, u li laqqgħet id-Diretturi ta’ Missio minn madwar l-Ewropa kollha.

“L-għan prinċipali tal-konferenza huwa li jitkattar l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi sabiex ikompli jintlaħaq l-għan ta’ Missio li xxerred L-Evanġelju fid-dinja,” qal Fr Anthony Chantry, chairperson tal-Konferenza. “Il-Konferenza kienet ukoll okkażjoni sabiħa ta’ talb flimkien, li jgħaqqadna sabiex inkomplu nwasslu l-messaġġ li x-xogħol tal-missjoni huwa daqstant urġenti u importanti daqs meta Ġesù Kristu mexa fuq l-art, u Evanġelizza kull fejn mar.”

Id-Direttur ta’ Missio Malta, Monsinjur Valent Borg esprima s-sodisfazzjon tiegħu għas-suċċess tal-laqgħa f’Malta, u li l-preparamenti għaliha ħadu bosta xhur.

“Waqt din il-konferenza ridna nlaqqgħu lill-kollegi Diretturi minn madwar l-Ewropa, mar-realtajiet differenti ta’ Malta. L-għan tagħna jibqa’ li inkattru spirtu ta’ djalogu u inkontru, b’ħeġġa għax-xandir tal-Evanġelu ta’ Kristu,” qal Mons. Borg.

Il-Konferenza li ġabret flimkien 28 Direttur minn madwar l-Ewropa kollha, iddiskutitiet bosta ħwejjeġ kurrenti, fosthom is-sitwazzjoni fit-Turkija u s-Sirja wara li kienu milquta mit-terrermot fl-aħħar jiem, u kif Missio kienet ser tagħmel l-almu tagħha sabiex tkompli tassisti lit-terremotati bl-aqwa mod. 

Fil-programm tal-attivitajiet, il-Konferenza żaret il-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far, fejn id-Diretturi kellhom laqgħa sabiħa ma’ Patri Dijonisju Mintoff li spjega l-ħidma sfieqa ta’ dan il-post mal-immigranti. Il-Konferenza żaret ukoll bosta postijiet ta’ interess bħall-Katidral tal-Imdina, il-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta kif ukoll il-gżira Għawdxija, fejn kienet milqugħa mill-Isqof Anton Theuma.