L‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex jistiednu lill‑Poplu Malti u Għawdxi biex fil‑Jum Solenni ta’ Għid il‑Ħamsin, għada, meta kellha sseħħ fostna iż‑Żjara tal‑Qdusija Tiegħu l‑Papa Franġisku, jingħaqad fit‑talb għall‑Qdusija Tiegħu, għall‑Knisja, għal pajjiżna u għad‑dinja.
L‑Isqfijiet ser jingħaqdu mal‑Papa Franġisku fit‑talb: l‑Isqof Mario Grech mis‑Santwarju Nazzjonali tal‑Madonna Ta’ Pinu llejla fil‑5:30 p.m.; l‑Arċisqof Charles Scicluna mis‑Santwarju Nazzjonali tal‑Madonna tal‑Mellieħa għada fid‑9:30 a.m. Dawn il‑mumenti ta’ talb ser jixxandru fuq TVM2 u l‑media soċjali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta u d‑Djoċesi ta’ Għawdex.
L‑Isqfijiet ser jitolbu sabiex il‑Mulej, fil‑ħniena tiegħu, isawwab fuqna d‑doni tal‑Ispirtu Qaddis tiegħu u jberikna bis‑saħħa fir‑ruħ u fil‑ġisem.