• ****

    Direttur:          Trish Sie
    Atturi:             Ryan, Guzman, Briana Evigan, Misha Gabriel, Adam Sevani, Alyson Stoner, Mari Koda, Christopher Scott u Luis Rosado
    Ħin tal-film:    112 min
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:     PG
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:          PG

    Sean Asa, ħabibu Eddy u grupp ta’ żeffiena bl-isem ta’ The Mob, kien rrnexielhom jilħqu l-quċċata f’konkorsi ta’ żfin ġewwa Los Angeles. Iżda sena wara, sabu ruħhom f’diffikulta` minħabba li tilfu l-popolarita` tagħhom f’dinja li iktar ma jmur iż-żmien kienet qegħda ssir iktar kompetittiva. Frustrati għall-aħħar, ħafna minnhom reġgħu lura lejn Miami. Sean, iżda. kien deċiż li jibqa’ Hollywood u jagħmel ħiltu biex jerġa’ jikseb suċċess. F’qasir żmien, isib il-għajnuna ta’ Moose, ħabib antik, li għenu biex isib x-xogħol ġewwa sala ta’ żfin. L-għan tiegħu iżda kien li jasal sal-quċċata tas-suċċess. Din l-opportunita` offriet ruħha f’konkors għal fuq it-televiżjoni, bl-isem ta’ The Vortex, konkors għal gruppi ta’ żeffiena li kienu lesti jikkompetu kontra xultxin u min jirbaħ ikollu d-dritt għal kuntratt ta’ tliet snin ġewwa stabiliment magħruf f’Las Vegas. Sean u Moose malajr isibu numru ta’ żeffiena ħbieb tagħhom li kienu lesti li jingħaqdu magħhom għal dan il-għan. Fosthom insibu lil Andie West, tfajla ħelwa u fuq tagħha u determinata daqs Sean fejn jidħol iż-żfin. L-isem li taw lill-grupp kien: LMNTRIX. Fil-konkors mill-ewwel urew li kienu sejrin ikunu sfidanti serji għall-premju u wieħed ma skanta xejn meta waslu għall-finali. L-aħħhar sfidanti serji li kellhom jiġu wiċċ imbwiċċ magħhom kien il-grupp ta’ żeffiena bl-isem ta’ The Grimm Knights li fosthom kien hemm xi ftit mill-ħbieb tagħhom li darba kienu jiffurmaw parti mill-grupp: The Mob. X’jiġri fl-aħħar serata? Tgħid il-grupp LMNTRIX jirbaħ l-isfida serja li kellhom. X’jiġri iżda meta jsiru jafu li kien sejjer ikun hemm fottiment u li r-rebbieħa sejrin ikunu The Grim Knights?

    Film bi 3D, il-ħames wieħed minn sensiela ta’ films li kienu nieżlu tajjeb mal-ġenerazzjoni żgħażugħa. Step Up: All In għandu jmur tajjeb ukoll. Il-protoganisti kollha tas-sensiela jiltaqgħu ġewwa Las Vegas fejn jikkompetu bejniethom għar-rebħa li tgħinhom fil-ħolma tagħhom u tibnilhom karriera. Film b’messaġġ pożittiv ħafna fejn juri li mhux biżżejjed li jkollok għan, iżda dan trid tilħqu mingħajr ma timponi fuq ħadd.