• X’inhu l-ogħla: Il-ġid komuni jew il-profitti tal-ftit?

    Il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) waqt li tosserva l‑entużjażmu minn settur partikulari tas‑soċjetà Maltija li jixtieq li jitħaffef il‑proċess li permezz tiegħu tidħol xejra ġdida ta’ binjiet għoljin ħafna, u wara li semgħet l‑ilmenti jew ir‑reazzjonijiet ta’ għadd ta’ persuni u residenti għad‑deċiżjoni li jingħata permess għal dawn l‑istess binjiet, tħoss li għad hemm ħafna mistoqsijiet u dubji dwar dawn il‑proġetti u l‑impatt tagħhom fuq il‑kwalità tal‑ħajja tan‑nies. Dan għaliex mhix konvinta li qed tingħata prijorità lill‑ġid komuni, kif suppost. 
    F’Diċembru li għadda, wara li rriflettiet fuq l‑enċiklika Laudato Si’ tal‑Qdusija tiegħu l‑Papa Franġisku, il‑Kummissjoni kienet ippreżentat lill‑Gvern diversi proposti dwar l‑iżvilupp u l‑ambjent fil‑pajjiż. Fost affarijiet oħra, il‑proposti josservaw li “ħafna drabi, meta għaqdiet ambjentali jew individwi li għandhom għal qalbhom il‑ħarsien tar‑riżorsi ambjentali b’rispett lejn il‑ġenerazzjonijiet tal‑ġejjieni, jitkellmu kontra xi proġett li mhux sostenibbli, dawn l‑għaqdiet u individwi jiġu akkużati li qed jippruvaw iwaqqfu l‑‘progress’. L‑isfidi li jippreżentaw dawn l‑għaqdiet volontarji u individwi juruna l‑ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati ideat ġodda u tintuża kreattività biex niżviluppaw il‑pajjiż bl‑inqas użu tal‑art”.
    Għaldaqstant, wieħed jifhem l‑inkwiet ta’ kull min ikkritika l‑proposti ta’ dawn il‑binjiet għoljin, għax qabel ma tittieħed deċiżjoni finali fuq kull proġett, speċjalment meta dan ikun ta’ ċertu kalibru, l‑effett tiegħu fuq il‑madwar għandu jkun studjat b’reqqa kbira minn kull aspett. Il‑madwar, f’dan il‑każ, mhuwiex biss xi żewġ toroq li jduru mal‑proġett, imma l‑lokalità kollha fejn jinsabu, il‑lokalitajiet li jmissu l‑lokalità fejn se jsiru l‑proġett, u l‑effett tagħhom fuq it‑traffiku li jista’ jkun effettwat minn kilometri ’l bogħod. Wieħed irid ukoll iqis iż‑żieda fuq il‑konċentrazzjoni ta’ nies fil‑lokal, u għaldaqstant fil‑ħtieġa ta’ servizzi relatati. L‑argument li rridu nibnu ’l fuq flok nibnu fil‑kampanja jkun jagħmel sens jekk naċċertaw rwieħna li: (i) il‑bini kollu eżistenti fil‑gżejjer tagħna huwa okkupat jew qed jiġi użat b’xi mod jew ieħor, (ii) li ż‑żieda fil‑kostruzzjoni hija indispensabbli, u (iii) li l‑kundizzjoni tal‑ħajja tal‑Maltin se titjieb bħala riżultat ta’ dawn il‑binjiet.
    Hawn il‑KA tħoss li għandha tistaqsi: Hemm tassew ħtieġa għal dawn il‑binjiet u, allura, għal dan l‑għoli kollu? Ma ninsewx li f’Malta għad għandna numru sostanzjali ta’ postijiet battala u mhux użati. Fuq kollox wieħed irid iżomm għajnejh miftuħa beraħ meta jqabbel lil pajjiżna ma’ pajjiżi jew bliet barranin, għax fl‑aħħar mill‑aħħar, kollox għandu prezz. Għalhekk dak li jgħodd għal barra, spiss ma jkunx jagħmel sens għal pajjiżna. Il‑KA jidhrilha li, f’dan il‑kuntest, hija flokha ħafna t‑twissija tal‑Papa Franġisku: Għalhekk wasal il‑waqt li nagħtu mill‑ġdid attenzjoni lir‑realtà bil‑limiti li din timponi, li min‑naħa tagħhom jiftħu l‑possibiltà għal żvilupp uman u soċjali aktar b’saħħtu u għammiel (Laudato Si’ Par. 116).
    Proposta oħra li għamlet il‑KA kienet tgħid: “Mhijiex l‑ewwel darba li xi applikanti għall‑permessi ta’ żvilupp jippreżentaw proġett li jmur kontra diversi policies tal‑ippjanar biex imbagħad jippreżentaw pjanti tal‑proġett mċekken biex tingħata l‑impressjoni li sar xi titjib kbir fil‑proġett propost. Minkejja li dawn it‑‘tibdiliet’ jagħmlu l‑proġett differenti ħafna mill‑ewwel proposta, huwa xorta jibqa’ mhux aċċettabbli taħt diversi policies ta’ ippjanar.  Iżda l‑proġett xorta jiġi approvat minħabba l‑logħba psikoloġika li permezz tagħha l‑ewwel proposta tkun intenzjonata li tixxokkja, biex hekk it‑tieni waħda ssir ‘aċċettabbli’. Dan m’għandux ikun eżempju ta’ ‘innovazzjoni’ li għandna naspiraw għaliha”.   
    Il‑KA tħoss li l‑Awtorità tar‑Riżorsi u l‑Ambjent ma fehmitx din il‑logħba tal‑iżviluppaturi.  L‑Awtorità ġiet ikkwotata li qalet li mhux se tappella mid‑deċiżjoni,  minħabba li ttieħdu miżuri li permezz tagħhom jitnaqqas l‑impatt ta’ dan l‑iżvilupp. Fuq kollox intqal ukoll li, la ma oġġezzjonatx f’dak l‑istadju ma kenitx se toġġezzjona aktar tard. Iżda minkejja kollox, il‑proġett xorta waħda jibqa’ wieħed esaġerat. Għaldaqstant, il‑KA tħoss li l‑Awtorità tal‑Ambjent u r‑Riżorsi xorta waħda għandha tappella kontra din id‑deċiżjoni tal‑Awtorità tal‑Ippjanar biex tissalvagwardja il‑kwalità tal‑ħajja tan‑nies.
    Il‑policy ta’ bini għoli, b’dak kollu li ġġib magħha fis‑suq tal‑proprjetà, m’għandhiex effett fuq l‑ambjent biss, iżda jista’ jkollha wkoll effett fuq il‑politika fiskali tal‑pajjiż. Fil‑proposti tagħha, il‑KA kienet sostniet li l‑Gvern għandu “jalloka fondi għal studju dwar id‑domanda u l‑provvista tal‑propjeta` f’Malta, u l‑ambjent ekonomiku u fiskali li jaffettwa il‑propjeta`. Ilu jinħass il‑bżonn ta’ dan l‑istudju li għandu jkun wieħed verament nazzjonali. Għandu jkun hemm konsultazzjoni pubblika dwar it‑terms of reference ta’ dan l‑istudju u li dawn ikunu maqbula minn firxa l‑iktar wiesgħa ta’ stakeholders. Studju ta’ dan it‑tip jaffettwa lill‑pajjiż kollu, u għandu jkun trattat bħala wieħed nazzjonali. Meta jkun finalizzat, l‑istudju għandu jkun ippubblikat kollu kemm hu. Huwa ovvju li r‑riżultat ta’ dan l‑istudju għandu jkollu impatt kbir fuq il‑ħarsien tal‑ambjent u l‑provvista ta’ djar li n‑nies ikunu jifilħu jħallsu għalihom. Dan l‑istudju wara li jitlesta għandu jkun aġġornat b’mod regolari u jkun sors importanti ta’ informazzjoni għall‑Pjan Strateġiku dwar l‑Ambjent u l‑Iżvilupp (SPED) u l‑Pjanijiet Lokali. Jekk ma jsirx hekk, deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal‑ambjent mibni ma jistgħux ikunu deċiżjonijet infurmati kif wieħed jistenna, speċjalment fil‑każ ta’ pajjiż b’densità ta’ popolazzjoni għolja bħal tagħna”
    Fi ftit kliem, jekk numru kbir ta’ appartamenti jew uffiċini li jkunu jagħmlu parti mill‑binja jibqgħu ma jinbigħux jew ma jinkrewx, il‑promoturi tal‑proġetti li, wieħed ma jridx jinsa, huma ta’ skala kbira, jistghu ’l quddiem iduru fuq il‑Gvern biex jintroduċi miżuri, ta’ natura fiskali jew xort’oħra, ħalli jsalva lill‑iżviluppaturi. Miżuri bħal dawn għandhom mnejn iħallu riperkussjonijiet serji ħafna fuq is‑suq kollu tal‑proprjetà, u saħansitra fuq l‑ekonomija tal‑pajjiż kollu. Għalhekk il‑Kummissjoni mill‑ġdid tinsisti fuq studju nazzjonali serju dwar is‑suq tal‑propjetà.  
    Il‑KA tixtieq tesprimi t‑tama tagħha li min hu responsabbli jkollu l‑kuraġġ li jerġa’ jaħsibha, u jħalli l‑affarijiet isiru b’mod aktar sensibbli, waqt li niftakru li l‑gżejjer tagħna huma fl‑aħħar mill‑aħħar id‑dar komuni tagħna, li, grazzi għall‑ħidma sfiqa ta’ missirijietna, hija mżejna b’identità, kultura u karattru li l‑istorja tagħna nisġet ftit ftit sal‑ġurnata tal‑lum. Ikun għaqli napplikaw għal pajjiżna kliem il‑Papa mill‑enċiklika li diġà semmejna: Hemm bżonn nintegraw flimkien l‑istorja, il‑kultura u l‑arkitettura ta’ post partikulari, u nħarsulu l‑identità oriġinali (Laudato Si’ Par. 143).
    Fl‑aħħar nett, il‑KA tinnota b’sodisfazzjon l‑istqarrija tal‑kappillani ta’ Tas‑Sliema dwar din il‑kwistjoni. Hija tittama li din l‑inizjattiva tispira gruppi/parroċċi oħrajn, li żgur għandhom għal qalbhom il‑ġid sħiħ tal‑komunitajiet tagħhom, sabiex ma jiddejqux jitkellmu f’isem tant persuni li leħinhom ma jasalx sal‑kurituri li fihom jittieħdu d‑deċiżjonijiet li jaffettwawlhom il‑kwalità tal‑ħajja tagħhom.