-
Il-Moviment ta’ Kana jemmen illi jekk il-proposti dwar l-iffriżar tal-Embrjuni jidħlu fis-seħħ tkun qed tinfetaħ it-triq għall-legalizazzjoni tal-abort. Il-ħajja umana tibda mill-mument tat-tnissil u għalhekk jeħtieġ li kull embrjun għandu jiġi ttrattat b’rispett u b’dinjità sa mill-ewwel waqt tat-tnissil.
L-iffriżar tal-Embrjuni hu inkompatibbli mar-rispett u d-dinjità li biha għandha tiġi trattata il-ħajja umana sa mit-tnissil.
L-esperjenza ta’ pajjiżi oħra turi illi fejn jitħalla jsir l-Iffrizar tal-Embrjuni, jiġri li numru kbir ta’ ħajjiet umani jinqerdu wara li jagħmlu għadd ta’ snin iffrizati.
L-iffrizar tal-embrjuni huwa l-prekursur tal-abort. Jekk l-abbuż u l-qtil tal-innoċenti huwa ġustifikat barra l-ġuf tal-omm, biż-żmien isir faċli tiġġustifika il-qtil tal-innoċenti fil-ġuf.
Il-Moviment ta’ Kana huwa sensittiv għax-xewqat nobbli ta’ min jixtieq iġib it-tfal fid-dinja, u jemmen li dawn il-koppji għandhom jingħataw l-għajnuna biex jagħmlu dan. Il-Liġi preżenti hija favur l-għajnuna lill-koppji u tilħaq bilanċ bejn id-drittijiet tal-embrjun u l-interessi u x-xewqat tal-koppji li għandhom diffikultajiet biex iġibu t-tfal fid-dinja, billi tippermetti l-iffriżar tal-bajd qabel it-tnissil u mhux l-iffriżar tal-embrjuni wara t-tnissil. Il-liġi kif inhi qed taħdem tajjeb u l-inizjattivi tal-IVF li huma fis-seħħ qed jagħtu riżultati li jikkomparaw tajjeb ma’ dawk miksuba f’pajjiżi li jippermettu l-iffriżar u l-qerda ta’ l-embrijuni.
Il-Moviment ta’ Kana għalhekk jappella lis-soċjetà ċivili u lill-politiċi kollha ta’ rieda tajba biex jieħdu pożizzjoni kontra l-iffrizar tal-embrjuni u jiddefendu l-ħajja u d-drittijiet tal-embrjun kemm ġewwa kif ukoll barra l-ġuf.