-
-
L‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex jesprimu l‑apprezzament tagħhom lill‑Gvern ta’ Malta, lill‑Kummissjoni Ewropea u lit‑tmien pajjiżi Ewropej, għas‑solidarjetà li fl‑aħħar intweriet mad‑49 immigrant, li ħafna minnhom ilhom 18‑il jum bejn sema u ilma abbord żewġ bastimenti tas‑salvataġġ ta’ għaqdied mhux governattivi. Aħna wkoll grati lill‑għaqdiet kollha li ppromovew solidarjetà konkreta mal‑persuni involuti.
Aħna nirrikonoxxu li Malta, l‑iżgħar stat membru tal‑Unjoni Ewropea, la kienet l‑awtorità responsabbli u lanqas l‑eqreb port ta’ kenn meta dawn l-immigranti ġew salvati, u nfaħħru l‑isforzi li saru mill‑partijiet kollha involuti biex jiġi żgurat li l‑ħajja tal‑bniedem tiġi qabel kull interess ieħor.
Ningħaqdu mal‑Prim Ministru ta’ Malta u nirringrazzjaw lill‑Kummissjoni Ewropea talli pprovdiet soluzzjoni Ewropea għal din il‑kriżi billi kkordinat l‑inizjattiva tar‑rilokazzjoni tal‑immigranti inkluż tal‑249 persuna salvati fuq il‑baħar mill‑Forzi Armati ta’ Malta.
✠ Charles J. Scicluna ✠ Mario Grech
Arċisqof ta’ Malta Isqof ta’ Għawdex
✠ Joseph Galea‑Curmi
Isqof Awżiljarju ta’ Malta
Agħfas hawn biex taqra l-istqarrijiet preċedenti tal-Isqfijiet dwar is-salvataġġ tal-immigranti.