• Dokument ta’ Fehma mill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent dwar l-iżvilupp sostenibbli

  • L-istqarrija tiffoka partikolarment fuq il-ħtieġa urġenti li kull żvilupp f’pajjiżna jkun sostenibbli. Fl-imgħoddi, stili ta’ ħajja u modi ta’ ħsieb żbaljati dwar x’inhu żvilupp, taw lok għal deċiżjonijiet li spiss kellhom impatt negattiv qawwi fuq il-kwalità ta’ ħajjitna. Għaldaqstant hemm bżonn ta’ direzzjoni ċara fejn il-ġid komuni jgawdi prijorità assoluta. Waqt li tilqa’ bi pjaċir id-deċiżjoni li l-iżvilupp sostenibbli issa ngħata prominenza fil-livell ta’ portafoll ministerjali, il-KA tħoss li għad fadlilna x’nagħmlu sabiex dan isir prijorità nazzjonali. Meta nitkellmu dwar żvilupp, għadna niffokaw wisq iżjed fuq fatturi ekonomiċi u soċjali milli fuq dawk ambjentali.

    Dwar aspetti li jolqtu l-gżira għawdxija, il-Kummissjoni twissi li wieħed għandu joqgħod b’seba’ għajnejn milli jieħu deċiżjoniiet li jkunu jindirizzaw problema b’soluzzjonijiet li jservu għal ftit żmien biss. Fuq kollox, kull studju li jsir għandu jkun ħieles minn kull rabta li b’xi mod jew ieħor tista’ tippreġudika r-riżultat tal-istess studju. Barra dan, l-istudju nnifsu għandu jħares sewwa lejn l-aspetti kollha involuti, inkluż dak ambjentali. B’hekk id-deċiżjoni li tiddetermina proġett għandux jiġi implimentat jew lè, tkun ibbażata fuq riċerka serja u mhux biss fuq x’wieħed jaħseb. Għalhekk, meta ssemmi l-proġett tal-bini ta’ pont bejn iż-żewġ gżejjer, l-istqarrija ttenni dak li kien intqal waqt konferenza nazzjonali dwar ir-riżorsi ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli fl-2011: Dan l-istudju għandu jevalwa bir-reqqa x’ser ikun il-prezz ekonomiku (biex jinbena u jkun sostnut), soċjali u ekoloġiku li jkollna nħallsu għalih u x’ser ikun qed irodd lura fil-futur.

    Il-Kummissjoni Ambjent turi wkoll it-tħassib tagħha dwar il-proċedura li qed tiġi użata fil-każ ta’ proġetti potenzjalment kbar – il-proġett tar-reklamazzjoni tal-art u dak tal-bini ta’ cruise liner terminal f’Għawdex. Fil-kaz tal-ewwel, il-Kummissjoni tosserva li ma sarux studji serji qabel ma ħarġet is-sejħa, sabiex jiġi stabbilit hemmx tassew ħtieġa tal-proġett jew lè, u għaldaqstant tappella biex il-pjanijiet jiġu posposti, għallinqas sakemm isiru studji xjentifiċi serji. Dan jgħodd ukoll għall-espressjoni ta’ interess għall-bini ta’ Cruise Liner Terminal f’Ghawdex.

    Fl-aħħarnett b’riferenza diretta għall-kontroversja li nqalgħet dwar il-ħsara li saret fl-impjant ta’ Sant Antnin, il-Kummissjoni tappella biex f’kull deċiżjoni li tittieħed u f’kull proġett, iċ-ċittadin ikun, mhux biss infurmat, imma wkoll involut direttament (dan kienet issuġġerietu wkoll fl-2005) ħalli jkun konxju l-ħin kollu f’każ ta’ żviluppi li jistgħu ikunu kaġun ta’ ħsara għad-detriment ta’ saħħtu.

    L-appell tal-KA hu li pajjiżna jitgħallem mill-passat li ġarrab, u jimpenja ruħu sabiex ikun żgurat ġejjieni sostenibbli, fejn il-kwalità tal-ħajja ma titkejjilx mill-profitti imma mis-sens ta’ ġustizzja, mir-rispett lejn il-persuni u l-ħolqien ta’ madwarhom, u mis-solidarjetà li tħares lejn il-ġid ta’ pajjiżna bħala l-wirt li rċevejna aħna u dawk li ġejjin warajna.

    Agħfas hawn biex tnizzel id-dokument