L-Arċidjoċesi ta’ Malta tixtieq tiċċara li ma setgħetx tkun taf minn qabel, wisq aktar ikollha kontroll fuq, deċiżjoni tal-Aġenzija tar-Reġistru tal-Artijiet meħuda fl-2019, li wasslet biex jiġu rreġistrati artijiet f’Għawdex bil-konsegwenza li numru ta’ residenti huma inċerti dwar it-titlu legali ta’ darhom.
Dan l-iżvilupp mhux mistenni min-naħa tar-Reġistru tal-Artijiet seħħ sentejn wara li ntlaħaq ftehim (legal settlement) bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-eredi tal-fundatriċi tal-Abbazia San Antonio Delli Navarra, li kienet ilha tamministra l-art sa mill-1675. Kien wara li ntlaħaq dan il-ftehim li l-eredi rreġistraw l-artijiet f’isem il-fondazzjoni.
Id-deċiżjoni tar-Reġistru tal-Artijiet, li ġiet ikkritikata wkoll mill-Ministru ta’ Għawdex waqt aġġornament tal-Kamra tar-Rappreżentanti f’Novembru 2020, hija kruċjali biex wieħed jifhem ir-raġuni vera wara l-inċertezza tar-residenti dwar it-titlu legali ta’ darhom.
L-Arċidjoċesi tinnota li llum il-Moviment Graffitti qed jorganizza konferenza tal-aħbarijiet biex, fi kliemhom, jitolbu lill-Arċisqof “jirtira d-deċiżjoni tiegħu li jagħti kontroll tal-fondazzjoni medjevali lil…spekulaturi”.
Din l‑istqarrija tal‑Graffitti hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal‑fatti, u għalhekk din il‑kjarifika hija meħtieġa biex tingħata informazzjoni korretta.
B’mod kronoloġiku l‑fatti huma dawn:
Fl‑1675 n‑nobbli Cosmana Cumbo Navarra waqqfet il‑Fondazzjoni Abbazia San Antonio Delli Navarra bl‑iskop li tamministra l‑art tagħha.
Hi riedet li l‑amministratur tal‑fondazzjoni jkun lajk jew kjeriku li jintgħażel mill‑eredi, li kienu l-patruni tal‑fondazzjoni, u li dan l‑amministratur jiġi approvat mill‑isqof. Riedet ukoll li d‑dħul jintuża biex jippromwovi kawżi speċifiċi marbuta mar‑reliġjon Kattolika.
Cosmana Navarra ma kellhiex tfal u waqt żmien twil li matulu ħadd ma ġie identifikat bħala l‑eredi tagħha, il‑fondazzjoni ġiet amministrata minn kjeriċi. Madanakollu, wara l‑mewt ta’ Dun Saverin Bianco fl‑1989, Richard Stagno Navarra afferma li hu kien l‑eredi leġittimu bid‑dritt li jiġi nnominat u appuntat bħala amministratur.
Wara li fl‑1992 il‑Kurja rrifjutat it‑talba tiegħu biex jiġi rikonoxxut bħala l‑eredi, Richard Stagno Navarra beda proċeduri legali. Il‑Qorti ta’ Għawdex, 24 siegħa wara li ppreżenta l‑każ tiegħu, approvat l‑applikazzjoni tiegħu biex jiġi rikonoxxut bħala l‑amministratur leġittimu.
Il-Kurja kkuntestat din id-deċiżjoni u l-proċeduri legali damu għaddejjin għal aktar minn 20 sena. Il-Qorti mbagħad stabbilixxiet li l-fondazzjoni kienet entità lajka u li kwalunkwe proprjetà tal-fondazzjoni ma kinitx tappartjeni lill-Knisja. Il-Qorti ppreċiżat li l-Arċisqof għandu biss id-dritt jappunta l-amministratur, u fl-ebda mument ma esprimiet dubju fuq Richard Stagno Navarra bħala l-eredi leġittimu.
Għalhekk, abbażi tal-parir legali li nagħta u wara li kiseb l-approvazzjoni tal-Kunsill Finanzjarju Djoċesan, l-Arċisqof kien ikkonkluda li jkun aktar għaqli li l-Knisja, flok tkompli bil-kawża legali, taċċetta li tiffirma ftehim mal-eredi fejn irrikonoxxiet id-deċiżjoni tal-Qorti dwar l-leġittimità tal-eredi.
L-eredi — kif kellhom dritt li jagħmlu — sussegwentament innominaw żewġ persuni bħala amministaturi tal-fondazzjoni: Dr Patrick Valentino u saċerdot. L-Arċisqof, li ma kellux l-awtorità jinnomina amministratur jew jippreżenta ismijiet ġodda għan-nomina, ikkonċeda li jiġi nnominat Dr Valentino. Dan sar għaliex l-Arċisqof ma xtaqx li jkollu saċerdot involut f’amministrazzjoni ta’ proprjetà li mhix tal-Knisja u li tappartjeni lil organizzazzjoni lajka.
Permezz tal‑ftehim mal‑eredi, bil‑għan li jiġu osservati t‑termini stabbiliti mill‑fundatriċi, il‑Knisja rċeviet is‑somma ta’ €200,000 f’kapital, biex permezz tal‑interessi ġġenerati jiġu onorati l‑obbligi reliġjużi. Dawn l-obbligi, li jinkludu ċ-ċelebrazzjoni tal-quddies, qegħdin jitwettqu.
F’dan l‑istadju, l‑Arċidjoċesi tappella sabiex tinstab soluzzjoni ġusta u raġonevoli.