Skont riżultati ta’ studju kkummissjonat mill-Kumitat ta’ Koordinazzjoni ta’ Għajnuna Kattolika, konsorzju ta’ organizzazzjonijiet Insara f’Ġerusalemm, Palestinjani żgħażagħ Insara b’ċertu standard t’edukazzjoni jippreferu ma jemigrawx u jibqgħu fil-pajjiż, jekk mogħtija l-opportunitajiet xierqa.

Sami El-Yousef, Direttur Reġjonali ta’ Ġerusalemm għall-Missjoni Pontifiċja tal-Palestinjana, membru tal-konsorzju, qal li ż-żgħażagħ għandhom rabtiet qawwija m’art twelidhom u qed iħarsu lejn il-Knisja u l-organizzazzjonijiet fi ħdanha sabiex jgħinuhom jibqgħu fil-pajjiż u jipprovdulhom opportunitajiet xierqa ta’ impjieg u jgħinuhom ukoll fil-qasam edukattiv u f’dak tad-djar. El-Yousef qal mal-aġenzija tal-aħbarijiet Catholic News Service, CNS, li ż-żgħażagħ urew ukoll impenn reliġjuż qawwi fl-espressjoni tal-fidi tagħhom.

L-istudju sar fuq firxa ta’ numru ta’ xhur bil-għan li jgħin lill-membri tal-Konsorzju itejbu u jikkordinaw l-għajnuna li huma stess jipprovdu lill-komunitajiet Insara.

JERUSALEM (CNS)