L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

M’ilux kien hemm diversi nies li rċevew messaġġ li kien jgħid li ġej Ġesù fuq għolja f’Malta. Xi wħud riedu li jkunu hemm, fuq l-għolja, f’din l-okkażjoni. Niftiehmu, aħna għandna lil Ġesù dejjem hawn magħna fil-Knisja, u fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija jkollna l-akbar miraklu li jseħħ u li narawh bl-għajnejn tal-fidi. Imma tifhem li l-għolja hi l-post ideali għal min jidhirlu li għandu viżjoni speċjali.

Fil-fatt, fl-Iskrittura naraw li Alla spiss juża ġrajja fuq muntanja jew għolja biex juri lilu nnifsu u biex jgħallimna dak li hu għalina. Żgur li tiġina f’moħħna mal-ewwel, fost l-oħrajn, il-muntanja Sinai, fejn Mose rċieva l-kmandamenti ta’ Alla intenzjonati biex jagħtu direzzjoni lill-ħajja tal-poplu.

Fidi f’Alla l-ħaj

Illum għandna żewġ għoljiet bi ġrajjiet li jidhru tant differenti imma li hemm rabta bejniethom. L-ewwel ġrajja hi waħda li mal-ewwel darba li taqraha, titkexkex, għalkemm imbagħad għandha tmiem feliċi. Hemm Abraham tiela’ l-għolja ma’ ibnu Iżakk biex joffrih sagrifiċċju lil Alla. Hu rakkont li jekk ma nifhmuhx, iħawwadna bil-kbir. Dan kif Alla jitlob lil Abraham biex joffri lil ibnu, l-uniku iben tiegħu? Dawn x’affarijiet huma? Mela Alla mhux Alla li jħobb il-ħajja? 

Nifhmu l-ġrajja biss jekk immorru lura eluf ta’ snin u niftakru l-kuntest taż-żmien. Dak iż-żmien, kien hemm l-użanza kerha fost il-popli li joffru lill-allat pagani b’sagrifiċċju l-wild tagħhom. Għalihom dan kien sinjal qawwi tar-rabta mal-allat. X’jagħmel Alla lil Abram? L-ewwel isejjaħlu, imma mbagħad iwaqqfu, u jgħidlu ċar: tagħmilx hekk. Ried jinqeda b’din l-użanza tal-popli biex juri lil Abram li ma jridx dan it-tip ta’ sagrifiċċju. Ma riedx li l-poplu tiegħu jkollu l-mentalità tal-popli li kienu jqimu lill-allat pagani. Jgħid lil Abram: “la tmiddx idejk fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara” (Ġen 22:12).

Alla hu Alla tal-ħajjin, li jrid l-għożża tal-ħajja.

Fl-istess waqt jara l-fidi qawwija ta’ Abram u r-rabta sħiħa tiegħu ma’ Alla – ukoll meta ma setax jifhem x’qed jiġri, għax Alla kien wiegħdu nisel bla għadd, emmen f’Alla u l-fedeltà tiegħu. Emmen li Alla jaf x’qed jagħmel. Kellu fiduċja fil-providenza ta’ Alla, u l-ġrajja wriet kemm kellu raġun. Kien jidher għal mument li se jitlef lill-ibnu, l-uniku iben tiegħu, imma fil-fatt Alla tah nisel bla għadd – “bħall-kwiekeb tas-sema u r-ramel ta’ xatt il-baħar” (Ġen 22:17). Alla qatt ma jonqos minn kelmtu.

Għalhekk il-ġrajja ta’ Abram ma’ ibnu Iżakk fuq din l-għolja hi ġrajja li turi kemm tiswa ta’ ġid il-fedeltà lejn Alla, għax Alla hu Alla li dejjem iżomm kelmtu, li jrid l-aqwa ġid għall-bniedem, u li għalih il-ħajja hi għażiża tassew.

Il-ħajja tegħleb il-mewt

Ħa mmorru għat-tieni għolja: it-Tabor. Ġesù jtella’ miegħu fuq din il-muntanja għolja lil tlieta mid-dixxipli l-aktar viċin tiegħu – lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni – u jinbidel quddiemhom. Hi dehra ta’ glorja kbira. Għalhekk Pietru jgħid: “Kemm hu sew li aħna hawn” (Mk 9:5). U ried li jtella’ tliet tined – għal Ġesù, għal Mose u għal Elija –  jiġifieri ried itawwal din l-esperjenza unika. Imma kienet dehra qasira ħafna. Wara ftit tal-ħin, kollox ġie lura għan-normal.

Il-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni tiġi eżatt wara li Ġesù kien ħabbar lid-dixxipli li kien se jbati ħafna, jiċħduh, joqtluh u jqum mill-mewt (ara Mk 8:31). Qalilhom ċar bit-tbatija li kien se jgħaddi minnha, u dak inhar Pietru kien ħadha bi kbira u “beda jlumu” (Mk 8:32). Hawnhekk, ftit wara dal-kliem fuq dak li kien se jgħaddi minnu, kien hemm din id-dehra tal-glorja. Ġesù ried jagħti din it-togħma lill-istess tlieta li kellhom jgħaddu mit-trawma kbira tal-Passjoni tiegħu, u li nsibuhom miegħu fil-Ġnien tal-Ġetsemani. Ġesù qed jagħti messaġġ ta’ kuraġġ lid-dixxipli tiegħu. Qed jgħidilhom: it-tbatija mhijiex l-aħħar kelma, imma hija t-triq li twassal għall-glorja. Kif ngħidu ftit ieħor f’talba fil-quddiesa: “Biex kulħadd jagħraf tajjeb li l-qawmien għall-ħajja jinkiseb permezz tal-Passjoni” (mill-Prefazju). La taf li t-tbatija mhijiex l-aħħar kelma, li għad ikun hemm it-trasfigurazzjoni, tagħmel kuraġġ. 

Il-ġrajja tat-trasfigurazzjoni tispiċċa b’din is-sentenza dwar it-tliet dixxipli: “bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser tqum mill-imwiet” (Mk 9:10). Meta Ġesù qam mill-mewt, it-tliet dixxipli setgħu jiftakru sewwa f’din il-ġrajja u jifhmuha b’mod sħiħ.

Fil-kelma ta’ Alla hemm dan il-messaġġ importanti għalina llum. Alla hu Alla tal-ħajja li jegħleb il-mewt, li jrid l-aqwa ġid għalina kontinwament. Ukoll fil-mumenti ta’ tbatija, meta naraw biss dlam u meta ma nifhmux x’qed jiġri, hu qiegħed hemm biex imexxina u jagħmlilna kuraġġ. Hi l-fidi fih li tagħmel differenza kbira għall-aħjar f’ħajjitna.

Stedina lilna

Għalhekk, meta nħarsu lejn dawn iż-żewġ ġrajjiet, l-istedina hi biex inżommu f’moħħna u f’qalbna l-kliem li semgħu it-tliet dixxipli fuq it-Tabor, il-leħen tal-Missier: “Dan hu ibni l-għażiż, isimgħu lilu” (Mk 9:7). Dak hu li rridu nagħmlu aħna: nisimgħu lilu, nilqgħu lilu f’qalbna, biex il-kelma tiegħu twettaqna fil-fidi. 

Nitolbuh illum: Mulej, għinna biex aħna jkollna fiduċja sħiħa fik, nisimgħu lilek, u nagħrfu li int tridilna dejjem l-aqwa ġid. Int li int Alla tal-ħajjin u Alla li tagħti l-ħajja ta’ dejjem lil min jimxi warajk. 

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju