-
-
Il-presepju Naplitan għal sekli sħaħ saħħar bosta artisti, storiċi u kollezzjonisti. L-istorja tiegħu tmur lura għall-bidu tas-seklu sittax, fejn il-presepju kiseb popolarità fi żmien ta’ tiġdid fid-dinja Kattolika.
Il-presepju Naplitan kiseb livelli għolja ta’ manifattura fis-seklu tmintax matul ir-renju ta’ Karlu VII ta’ Bourbons, Re ta’ Napli, li aktar tard kien elett bħala Karlu III, Re ta’ Spanja. Kien żmien meta l-presepju ħalla l-knejjes u daħal fid-djar tan-nies, inkluż f’dawk tan-nobbli. Artisti distinti esponenti tal-Barokk tardiv f’Napli kienu involuti fil-produzzjoni tal-pasturi. Dawn il-kummissjonijiet, li ħafna minnhom oriġinaw minn familji aristokratiċi residenti f’Napli, jixhdu livell għoli ta’ kompetizzjoni fl-assemblaġġ tal-presepju tipiku Naplitan. Din il-kompetizzjoni wasslet sabiex l-arti tal-presepju tilħaq livelli artistiċi għoljin.
Il-presepju Naplitan, vetrina ta’ sagru u profan u reliġjon u superstizzjoni, għadu jiġbed l-attenzjoni sal-ġurnata tal-lum. Il-Presepju Naplitan – Arti, Storja u Tradizzjoni hija taħdita bil-Malti mill-Istoriku tal-Arti Hilary Spiteri fejn ser jiffoka fuq it-twaqqif tal-Presepju Naplitan, l-esponenti ewlenin u l-wirt tiegħu. It-taħdita se ssir nhar il-Ħamis, 21 ta’ Diċembru, fis-18:30, fil-Kunvent San Mark, Triq Santu Wistin, ir-Rabat, Malta.
-