L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Meta se jseħħ l-aħħar tad-dinja? Din hi diskussjoni li kultant żmien tqum, u nafu li kull darba li ħabbru li d-dinja se tispiċċa f’xi sena partikulari, dan ma seħħx. Meta nisimgħu dal-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju, għall-bidu taħsbu li qed jitkellem fuq dan, qisu biex jagħti ħjiel. Imma mbagħad jgħid sentenza ċara: ħadd ma jaf meta, “ħadd ħlief il-Missier”. Ma jaqtgħalniex il-kurżità! Li qed jgħid Ġesù hu: inutli toqgħod tiddiskuti ħafna fuq meta se jseħħ l-aħħar tad-dinja.

Ir-realta kif inhi

Id-deskrizzjoni ta’ Ġesù fl-Evanġelju llum għall-bidu taħsibha li magħmula biex tbeżża’, biex tiġbed l-attenzjoni tan-nies bil-biża’ ta’ dak li jista’ jiġri. Imma fil-fatt nafu li Ġesù qatt ma tkellem biex ibeżża’, imma tkellem biex jgħid l-affarijiet kif inhuma.

U hawn jgħid xi ħaġa tant importanti: li Alla “jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu”. Ġesù qed jgħid: dawk li għażlu li jimxu warajh, dawk li jgħixu f’għaqda miegħu, dawk li jfittxu lilu, m’għandhomx għax jibżgħu. Għandhom ikunu konxji tar-realtà, imma mhux biex jimtlew bil-biża’. U fil-fatt, jekk taħseb ftit, x’inhu l-aktar importanti: meta se jseħħ l-aħħar tad-dinja, jew meta se jkun l-aħħar ta’ ħajjtna u aħna ngħaddu għall-ħajja ta’ dejjem? Nafu li f’mument minnhom nispiċċaw minn din il-ħajja biex ngħaddu għall-ħajja ta’ dejjem. Dak hu l-importanti, u fuq dak Ġesù jridna naħsbu, mhux biex nibżgħu imma biex nagħrfu kif għandna ngħixu llum.

Dak hu li Alla jrid minna llum. Ma jridx li nippreokkupaw ruħna fuq x’jista’ jiġri ’l quddiem, imma aktar li nagħrfu ngħixu ż-żmien li jagħtina llum, u li nagħrfu ngħixuh fid-dawl tal-kelma tiegħu

Il-Papa Benedittu XVI fl-Enċiklika sabiħa fuq it-tama (Spe salvi) jgħid hekk: il-fidi fi Kristu mhijiex biss ħarsa lura, lejn iż-żmien li għex Kristu; mhijiex biss ħarsa ’l fuq, lejn is-sema; imma hi ħarsa ’l quddiem lejn il-mument meta niltaqgħu miegħu wiċċ imb wiċċ. U din il-fidi tgħinna biex nagħrfu kif ngħixu hawnhekk, fiż-żmien li jagħtina, b’tama wkoll f’Alla li jħobbna, li jaħfrilna, li jixtiqilna l-ġid, u li f’idejh nerħu ruħna.

Kliemu ma jgħaddix

Ġesù jgħid kelma importanti ħafna għalina llum. Jgħid: “kliemi ma jgħaddix”. Hawn hu s-sigriet tal-ħajja li rridu ngħixu llum. Il-ħsieb tal-mument meta aħna ’l quddiem se niltaqgħu ma’ Alla għandu jgħinna biex illum ngħixu ż-żmien li Alla jagħtina kif irid hu, li hu fl-aħħar mill-aħħar kif inhu l-akbar ġid tagħna, għax dak li jixtieq hu huwa għall-akbar ġid tagħna. Għalhekk il-ħsieb li mexjin lejh jgħinna biex nagħrfu kif ngħixu l-ħajja ta’ issa. Dak hu li Alla jrid minna llum. Ma jridx li nippreokkupaw ruħna fuq x’jista’ jiġri ’l quddiem, imma aktar li nagħrfu ngħixu ż-żmien li jagħtina llum, u li nagħrfu ngħixuh fid-dawl tal-kelma tiegħu.

Nindunaw, u din turina l-esperjenza tal-ħajja, li meta ngħixu magħqudin miegħu, meta din l-esperjenza ssir ħajja fina, hemmhekk inkunu qegħdin ngħixu mhux biss bi preparazzjoni għal meta se niltaqgħu miegħu, imma nkunu qegħdin ngħixu hawnhekk il-ħajja tagħna bl-aħjar mod, u nagħmlu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn isbaħ. Jekk taħsbu ftit fuq tant valuri sbieħ li għallimna Ġesù – l-onestà, l-integrità, is-sinċerità, il-ġustizzja, l-imħabba, il-maħfra – nintebħu kemm dawn huma sbieħ meta ngħixuhom. U meta ngħixuhom, nagħrfu kemm hu veru dak li Alla qalilna li nippreparaw ruħna għall-ġurnata meta niltaqgħu miegħu proprju bl-għażliet li nagħmlu llum fil-ħajja ta’ kuljum. Hemmhekk imsejħin biex nagħżlu dejjem lil Alla u dak li tfisser il-kelma tiegħu. Għalhekk, nistgħu nifhmu kif il-ħsieb tal-ħajja ta’ dejjem b’ebda mod m’għandu jaljenana mill-ħajja ta’ issa, imma jagħmel il-kontra. Minn issa, f’dil-ħajja, għandu jgħinna nimpenjaw ruħna biex nibnu soċjetà fejn il-bnedmin jgħixu bħal aħwa, bid-dinjità, b’valuri.

Bil-qawwa tiegħu

Nafu li din hi sfida għall-ħajja tagħna, nafu li kultant hi diffiċli, li kultant inkunu f’ambjent li ma jiħux fid-direzzjoni tal-kelma ta’ Ġesù, imma jieħu l-kontra. Nafu li kultant dak li rridu nagħżlu mhux bilfors ikun jaqblu miegħu n-nies li magħhom ngħixu, jew il-parti l-kbira tan-nies. Imma Ġesù qatt ma qalilna: imxu kif jimxu l-parti l-kbira tan-nies. Qatt ma qalilna: għixu kif taraw li kulħadd qed jagħmel. Imma hu tana l-qawwa u l-għajnuna tiegħu biex nagħrfu ngħixu kif uriena hu, anke meta nkunu f’ambjent differenti jew f’ambjent ostili. Hu dan li lilna jagħtina l-paċi, hu dan li lilna jħejjina għall-mument meta niltaqgħu miegħu. Iktar ma nagħmlu ħilitna biex ngħixu qrib tiegħu, isbaħ ikun il-mument meta niltaqgħu miegħu wiċċ imb wiċċ.

Għalhekk, illum, ispirati mill-kelma tiegħu, nitolbuh lill-Mulej biex dejjem ikeċċi minna l-biża’, il-ħsibijiet żejda ta’ preokkupazzjoni li jtaqqlulna qalbna, u biex jagħtina tassew il-paċi tiegħu; u bl-għajnuna tiegħu nagħrfu ngħixu l-preżent, ngħożżu l-kelma tiegħu u ngħixuha, u din tkun l-isbaħ tħejjija għall-mument meta lilna jsejħilna għall-ħajja ta’ dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju