Nhar il‑Ġimgħa li ġej, 25 ta’ Marzu 2022, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta se tingħaqad mal‑Papa Franġisku fit-talba ta’ konsagrazzjoni tal-umanità, b’mod partikulari tar‑Russja u l‑Ukrajna, lill‑Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Il‑Papa stieden lill‑isqfijiet, is‑saċerdoti u l‑lajċi jissieħbu miegħu fit‑talb għall‑paċi permezz ta’ din il‑konsagrazzjoni. Din se ssir waqt ċelebrazzjoni penitenzjali fil‑Bażilka ta’ San Pietru, il‑Vatikan, li tibda fil‑5pm.

Dakinhar, fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta, il‑quddiesa tad‑9:30am li tixxandar fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook.com.mt se tkun offruta għal din l‑intenzjoni tal‑Papa. Filgħaxija, fis‑5:45pm, fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Marija Annunzjata, Ħal Balzan, se tingħad it‑talba tar‑rużarju u t‑talba ta’ konsagrazzjoni li se jitlob il‑Papa u tixxandar live fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt. Din iċ‑ċelebrazzjoni se titmexxa mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi. Fis‑6:30pm, l‑Isqof Galea‑Curmi jmexxi l-quddiesa tas‑Solennità ta’ Marija Annunzjata.

Kulħadd huwa mistieden jipparteċipa f’dawn iċ‑ċelebrazzjonijiet, kemm mid‑djar tagħhom filgħodu kif ukoll bil‑preżenza tagħhom waranofsinhar, biex flimkien nitolbu għall‑paċi fid‑dinja, b’mod partikulari biex tieqaf il‑gwerra fl‑Ukrajna. Nhar il‑Ħadd li għadda waqt l‑Angelus, il‑Papa qal li “quddiem id‑degradazzjoni tal‑qtil ta’ tfal, innoċenti u ċivili bla difiża m’hemm ebda raġuni strateġika li fiha sens: hemm biss li tieqaf l‑aggressjoni armata inaċċettabbli qabel ma l‑bliet isiru kollha ċimiterji”.