Caritas Malta qed tistieden lill‑persuni li jinsabu weħidhom jew m’għandhomx il‑mezzi sabiex din is‑sena jqattgħu Milied b’dinjità u jiġu jieklu flimkien għall‑ikla tal‑Milied fil‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana. Din l-ikla hi turija ta’ mħabba mgħixha fil‑konkret u sinjal tanġibbli ta’ Knisja li tilqa’ lil kulħadd.
Il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Dun Martin Micallef, qal li din l-ikla li ssir ta’ kull sena permezz ta’ Caritas Malta fil-Milied, li “hi festa fejn Ġesù, li ġie fostna, jgħallimna l-lingwa tal-imħabba kif proprju jiġri f’din l-ikla, ġest li l-Arċisqof Charles Scicluna jagħmlu billi jagħti dan il-post biex ngħixu l-kmandament tal-imħabba.”
Dun Martin żied jgħid li għal dan iż-żmien fil‑Knisja f’Malta hemm diversi kappillani li fil‑Milied jew fl‑ewwel tas‑sena jorganizzaw ikla għal nies weħidhom jew li għaddejjin minn diffikultajiet differenti fil-parroċċi tagħhom. Barra minn hekk, il‑Kċina ta’ Marta se tkun qed tqassam madwar 400 ikla sħuna lil persuni fil‑bżonn bil-għajnuna ta’ madwar 125 voluntier.
Id‑Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, tkellem dwar esperjenzi ta’ persuni li jesprimu l-ferħ li ġġibilhom din l-ikla u semma kif persuna li attendiet l-ikla qaltlu: “Aħjar biċċa ħobż magħkom milli dundjan waħdi.” Is-sena li għaddiet din l-ikla ospitat persuni mill-età ta’ sentejn sa 100 sena. Din l-ikla, li ilha ssir mill‑2015, tagħti dinjità anki lill-voluntiera li joffru li jgħinu, peress li wħud minnhom ukoll jinsabu weħidhom. Għal din l-ikla jagħtu sapport ir-residenti kollha li jinsabu fid-djar terapewtiċi ta’ Caritas matul l-ikla kollha, kif ukoll fil-preparamenti u fit-tindif ta’ wara.
Għal sena oħra, l‑ikel għal din l‑okkażjoni se jkun ippreparat minn The Alfred Mizzi Foundation u l-ħelu tradizzjonali tal‑Milied se jsir mill‑koki tal‑Kċina tal‑President ta’ Malta bil-ħsieb li jitqassam lil kull min jattendi biex jieħdu miegħu d-dar bħala tifkira ta’ dan il-jum. St Peter’s Foundation se tkun qed tagħti wkoll is‑sostenn tagħha u l‑grupp X‑Tend se jkun qed joħloq atmosfera ta’ ferħ bil‑mużika tagħhom.
Is-Sur Julian Sammut, Chairperson ta’ The Alfred Mizzi Foundation, qal li “l-Kurja tal-Arċisqof hu verament il-post li fih tħoss l-ispirtu tal-Milied li finalment iġiblek il-ferħ u l-imħabba”. Irringrazzja wkoll lil Kitchen Concepts li tieħu ħsieb tipprepara l-ikel kollu. Din is-sena, bis-saħħa ta’ The Alfred Mizzi Foundation, ingħataw b’donazzjoni il-platti u l-aċċessorji kollha meħtieġa biex jisserva l-ikel fihom, bi ħsieb ta’ sostennibbiltà ambjentali aħjar.
Moira Attard, is-Segretarju tal-Presidenza, qalet kemm hi għal qalbha din l-ikla għall-President ta’ Malta għax “b’hekk ħadd ma jaqa’ lura u kulħadd ikollu l-opportunità jieħu ikla tajba”.
“Caritas tieħu din l-okkażjoni biex toffri tama lil kull persuna li tattendi għall-ikla billi bl-għajnuna tal-professjonisti tibqa’ ssegwihom matul is-sena fis-sitwazzjonijiet emozzjonali li għaddejjin minnhom,” spjega Josef Pace, Kordinatur tas-Servizzi Psikosoċjali.
Kull min għaddej minn żmien ta’ solitudni jew m’għandux il‑mezzi finanzjarji biex jagħmel l‑ikla tal‑Milied, jista’ jingħaqad għall-ikla ta’ nofsinhar ġewwa l-Kurja tal-Arċisqof f’Jum il-Milied, billi jċempel fuq 79555915 jew jibgħat fuq [email protected] jew permezz tal‑paġna fuq Facebook ta’ Caritas Malta.