-
“Taqraha xejn il-Kelma ta’ Alla?”
-
“Għandi waħda, Father, pulita fuq l-ixkaffa…!”
Mhux darba u tnejn iltqajt ma’ din it-tip ta’ risposta meta nistaqsi lil xi ħadd jekk jaqrax jew jitlobx bil-Kelma ta’ Alla. Tweġibiet bħal dawn iġegħluni naħseb ħafna. Juru kemm fostna l-Insara jeżisti bżonn urġenti li nerġgħu naqbdu l-Bibbja f’idejna, insiru nafuha, nitolbu biha u nħalluha tkun verament, “musbieħ għal riġlejna u dawl fil-mogħdija tagħna” (Salm 119:105). Għalhekk, f’dan l-artiklu, kif ukoll f’dawk tal-ħarġiet li ġejjin, se niffukaw fuq l-irwol tal-Kelma ta’ Alla fil-mixja spiritwali ta’ San Franġisk t’Assisi, bit-tama li f’din is-Sena ddedikata lill-Fidi terġa’ titkebbes f’qalbna l-imħabba lejn il-Kelma ta’ Alla.
“Ngħid għalija, tant mantnejt lili nnifsi bil-Kelma ta’ Alla, li għandi iktar minn biżżejjed għall-meditazzjoni u r-riflessjoni tiegħi. M’għandix bżonn iżjed, ibni; jien naf lil Kristu, fqir u msallab.”[1] Hekk stqarr San Franġisk, fl-eqqel tal-mard tiegħu, lil wieħed mill-patrijiet li ssuġġerielu l-qari ta’ l-Iskrittura bħala refuġju għat-turmenti li kienu jifnuh. Din l-istqarrija tixhed kemm il-Fqajjar t’Assisi, f’ħajja relattivament qasira ta’ 44 sena, kien sar midħla tal-Bibbja. Ir-relazzjoni li Franġisku kellu mal-Kelma ta’ Alla – djalogu teneru, jaħraq, saħansitra fjamma li trid tixpakka minn qalbu – wasslitu biex jagħraf profondament lil Sidna Ġesu’ Kristu. Kien sar persważ mit-twissija hienja ta’ San Ġirolmu: “Min ma jafx l-Iskrittura, ma jafx lil Kristu.”[2] Mhux ta’ b’xejn li l-Beatu Ġwanni Pawlu II, li għalih San Franġisk jirrappreżenta “un modello di uomo, di persona umana più vicina à Ġesù; un più perfetto imitatore di Ġesù,”[3] jissuġġerielna biex induru lura lejn l-Evanġelju permezz ta’ Franġisku: “Torniamo sempre a San Francesco … torniamo sempre a Gesù, al Vangelo attraverso Francesco.”[4]
Biex nifhmu aħjar kif San Franġisk sar hekk ħobż u sikkina mat-testi tal-Kotba Mqaddsa, tajjeb li ngħidu li fil-Medju-Evu, l-Iskrittura kienet fonti ta’ għarfien mhux biss teoloġiku, imma anki profan. Il-Bibbja kienet inserita sewwa fil-programm tat-tagħlim skolastiku tat-tfal fl-iskejjel. Ma kinitx meqjusa xi ġawhra rari li ħadd ma seta’ jmissha u riservata biss għal xi nies ipprivileġġjati. Anzi, kienet il-ktieb li fuqu t-tfal infantili kienu jitgħallmu jaqraw u jiktbu. Hekk, l-iskola kienet l-ewwel post fejn Franġisku beda jsir familjari mal-Iskrittura Mqaddsa. Dan l-għarfien tal-Kelma ta’ Alla kompla żdied u sseddaq grazzi għall-funzjonijiet liturġiċi u l-predikazzjoni li fihom kienet tinqara u tixxandar il-Kelma ta’ Alla.
Franġisku kien konvint minn dak li kkonkluda San Ambroġ ħafna żmien qablu: “Drink from the springs of the Old and New Testaments, since in the one as in the other you drink Christ … drink Christ by drinking his words.”[5] Donnu għal Franġisku, is-smigħ u l-qari tal-Kelma tal-Mulej kien iqarreb lejn tqarbina! Infatti San Franġisk kellu l-istess qima u rispett lejn il-Kelma ta’ Alla, daqskemm kellu lejn il-Ġisem u d-Demm tal-Mulej. Din il-qima parallela li Franġisku wera lejn iż-żewġ imwejjed li minnhom jitmantna kull Nisrani – il-mejda tal-Kelma u l-mejda tal-Ewkaristija – tidher bħala antiċipazzjoni tal-kliem tal-Konċilju Vatikan II fil-Kostituzzjoni Dommatika dwar ir-Rivelazzjoni Divina, Dei Verbum: “Il-Knisja dejjem tat qima lill-Iskrittura Mqaddsa kif tat lill-istess Ġisem tal-Mulej billi qatt ma naqset, l-aktar fil-Liturġija Mqaddsa, li tieħu l-għajxien bil-ħobż tal-ħajja mill-mejda tal-Kelma ta’ Alla u tal-Ġisem ta’ Kristu, u tagħtih lill-fidili.”[6] Il-Beatu Ġwanni Pawlu II fl-Ittra tiegħu, Dominae Cenae, ukoll ifakkarna f’dan meta jgħid: “From the earliest times, the celebration of the Eucharist has been linked … with the reading of Sacred Scripture …”[7] Mhux ta’ b’xejn li l-Kostituzzjonijiet tagħna l-Franġiskani Kapuċċini jisħqu li l-ikel spiritwali tal-Kelma ta’ Alla u ta’ l-Ewkaristija huma indispensabbbli għall-Aħwa jekk tassew iridu jħobbu lil xulxin: “B’hekk, magħqudin bil-fidi f’Alla Missierna u mitmugħa mill-Mejda tal-Kelma Divina Tiegħu u mill-Ewkaristija, inħobbu lil xulxin, sabiex id-dinja tista’ tagħraf li aħna dixxipli ta’ Kristu.”[8]
Dan ir-rispett profond li Franġisku kellu lejn l-Ewkaristija u lejn il-Kelma ta’ Alla ġieli saqu biex jibgħat lill-patrijiet tiegħu jiġbru l-Ispeċi Ewkaristiċi u kitbiet bil-Kelma ta’ Alla fuqhom, li ma kinux miżmuma f’post li jixirqilhom: “Darba minnhom qatagħha li jibgħat patrijiet fil-provinċji kollha, iġorru ċ-ċiborji biex fihom iqiegħdu l-Ġisem ta’ Kristu jekk isibuh imqiegħed f’postijiet mhux xierqa.”[9] “Nitlob għalhekk lil ħuti kollha u nħeġġiġhom fi Kristu biex kull fejn isibu l-Kelma ta’ Alla miktuba, iqimuha mill-aħjar li jistgħu. U jekk isibu Kliem il-Mulej f’xi mkien mhux xieraq, jew jarawh mitfugħ ‘l hawn u ‘l hemm bl-addoċċ, kemm jistgħu għandhom jiġbru dawn il-kliem u jqegħduh f’post xieraq, u hekk fi kliemu jqimu lill-Mulej innifsu li qalu.”[10] Eżortazzjonijiet ta’ dan it-tip bħal donnhom isiru ritornell fil-kitbiet ta’ San Franġisk. Fihom joħroġ ċar kemm il-Qaddis kien jgħożż il-Kelma ta’ Alla, għax fiha kien jilmaħ il-Persuna ta’ Ġesu’ tkellmu u tnebbħu x’għandu jagħmel mument b’mument fil-mixja tiegħu warajH.
Biex nifhmu aħjar il-post ċentrali li l-Kelma ta’ Alla kellha fil-ħajja ta’ San Franġisk, fl-artikli tax-xhur li ġejjin, se niffukaw fuq erba’ tarġiet importanti fil-mixja ta’ talb ta’ Franġisku għad-dell tal-Kelma ta’ Alla u li nixtieq nipproponihom lil kull Nisrani/ja: (a) Is-Smigħ tal-Kelma; (b) Il-Meditazzjoni tal-Kelma; (ċ) L-għixien tal-Kelma fil-ħajja ta’ kuljum; (d) Ix-xandir tal-Kelma. Jeħtieġ li, bħal Franġisku, kull Nisrani jimpenja ruħu ħalli jgħix b’mod qawwi dawn l-erba’ mumenti fil-ħajja tiegħu, kemm fuq livell persunali, kif ukoll fi ħdan il-komunità parrokkjali.Fr Ivan Scicluna, Kapuċċin
website: www.capuchin-vocations.org
email: [email protected]
fbook: Capuchin flame
[1] Fra Tumas minn Celano, It-Tieni Ħajja ta’ San Franġisk t’Assisi, 105.[2] San Ġirolmu, Patrologiae cursus completus, 24,17.[3] {wanni Pawlu II, Diskors fis-Seminarju Pontifi=ju Ma[[uri tal-Vatikan, 29 ta’ Frar 1992.[4] Ibid.[5] San Ambroġ, In Psalmum Expositio.[6] Konċilju Vatikan II, Dei Verbum, 21.[7] Ġwanni Pawlu II, Dominae Cenae, 10.[8] Provinċja Kapuċċina Maltija, Il-Kostituzzjonijiet ta l-Aħwa Kapuċċini, 1990, 83,7.[9] Leġġenda ta’ Peruġja, 79.[10] Franġisku t’Assisi, Ittra lill-Ordni kollu, 34.