Grupp ta’ 20 tifel u tifla, membri tal‑Kummissjoni Djoċesana Tfal (KDT), illum ħallew Malta għal Ruma fl-Italja, sabiex jieħdu sehem fl‑ewwel Jum Dinji tat‑Tfal li se jiġi ċċelebrat nhar il‑Ħadd li ġej 26 ta’ Mejju 2024, fuq xewqa tal-Papa Franġisku.

Hu stmat li 70,000 tifel u tifla mid-dinja kollha li għandhom bejn is-6 u t-12-il sena, se jieħdu sehem fl‑attivitajiet organizzati mid‑Dikasteru għall‑Kultura u l‑Edukazzjoni tas‑Santa Sede. Il‑qofol taċ‑ċelebrazzjoni jintlaħaq għada s‑Sibt hekk kif il‑Papa Franġisku se jiltaqa’ mat‑tfal f’mument ta’ talb, ħbiberija u formazzjoni fil‑Grawnd tal‑Olimpico. L‑għada l‑Ħadd, il‑Papa qed jistieden lit‑tfal sabiex jingħaqdu miegħu għal quddiesa fi Pjazza San Pietru.

Sr Anna Sammut, id‑Delegata tal‑Arċisqof għat‑Tfal, qalet li “okkażjoni bħal din hi unika għaliex tgħaqqadna bħala Knisja waħda kbira u sabiħa. Jalla dawn il-jumejn f’Ruma jkunu ta’ formazzjoni spiritwali qawwija sabiex jgħinu lit-tfal jitilgħu b’valuri sodi u tkun esperjenza li jibqgħu jiftakruha”.

Fil‑messaġġ tiegħu lit‑tfal, il‑Papa Franġisku qal li kull tifel u tifla huma prezzjużi u huma sinjal tax‑xewqa li kull bniedem għandu biex jikber u jiffjorixxi. Kompla jgħid li minbarra li jkunu magħqudin flimkien, it‑tfal għandhom ikunu wkoll magħquda ma’ Ġesù għax permezz tiegħu “nistgħu noħolmu umanità ġdida u nimpenjaw ruħna biex insawru soċjetà aktar fraterna u attenta għad‑dar komuni tagħna”. Il‑Papa ħeġġeġ lit‑tfal biex jisimgħu l‑pariri li jagħtuhom l‑adulti u fakkarhom biex jgħidu dejjem “jekk jogħġbok” u “grazzi” għaliex huma l‑ewwel pass lejn dinja aħjar. Fakkarhom li huma mhumiex biss barka għall‑ġenituri u l‑familji tagħhom imma wkoll għall‑Knisja.

Il‑Kummissjoni Djoċesana Tfal fi ħdan l‑Arċidjoċesi ta’ Malta taħdem fuq il‑formazzjoni soċjali u spiritwali tat‑tfal membri tagħha. Dan isir permezz ta’ diversi attivitajiet bħal weekend live‑ins, laqgħat ta’ kull xahar u laqgħat mal‑Arċisqof. Minbarra t‑tfal, il‑Kummissjoni tieħu ħsieb takkumpanja wkoll lill‑familji tagħhom b’attivitajiet għall‑familja kollha.

Aġġornamenti dwar l‑esperjenza tat‑tfal Maltin se jittellgħu fuq il‑paġna ta’ Facebook tal‑Kummissjoni Djoċesana Tfal u fuq tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.

Aktar ritratti