• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta
    13 ta’ Jannar 2018

    Is-silta tal-Evanġelju li għadna kemm smajna hi dizzjunarju ċkejken għan-Nisrani. Fil-fatt hemm ċertu kliem, li kultant aħna neħduh for granted, li San Ġwann, li kiteb ir-raba’ Evanġelju, jispjegah.

    L-ewwel kelma li jfisser hija l-kelma ‘rabbi’ li tfisser mgħallem u dan huwa l-ewwel titlu ta’ Ġesù ta’ Nazaret, tal-mastrudaxxa li beda jsejjaħ id-dixxipli tiegħu. It-tieni titlu ta’ Ġesù f’dan id-dizzjunarju huwa t-titlu ta’ ‘Messija’. San Ġwann juża’ kelma oħra li għalina hija naqra mbiegħda: “Sibna l-Messija li tfisser Kristu” (Ġw 1, 41). Imma ma tantx jgħinna għax mill-Ebrajk, il-lingwa tal-poplu Lhudi, morna għall-Grieg, imma bil-Malti ‘Messija’ u ‘Kristu’ xi jfissru? Kemm Messijah  u kemm Christos bil-Grieg ifissru ‘midluk’, il-midluk tal-Mulej.

    U t-tieni kelma f’dan id-dizzjunarju hija ‘Kefa’ jew ‘Pietru’. Hawnhekk ukoll l-ewwel għandna kelma bl-Ebrajk, imbagħad għandna kelma bil-Grieg: kefa, Petrus minn ġebla, il-blata li huwa Pietru, il-blata.

    F’dan id-dizzjunarju tan-Nisrani aħna nifhmu li l-Mulej Ġesù huwa l-imgħallem tagħna, huwa l-midluk tal-Mulej, il-magħżul, li ġie biex iwassal il-ħelsien u jagħti l-ferħ, u għażel blata li huwa Pietru. Aħna nafu li s-suċċessur ta’ San Pietru huwa l-Papa. Fl-ewwel kaptilu ta’ San Ġwann għandna d-dizzjunarju essenzjali tal-fidi tagħna, dak li aħna jagħmilna Kattoliċi: li nagħrfu lil Ġesù bħala l-Imgħallem tagħna, li nħarsu lejh bħala dak li huwa s-Salvatur, il-midluk, il-magħżul tal-Mulej, il-Messija, l-imwiegħed, imma fuq kollox nafu li bena l-Knisja tiegħu fuq blata li hija l-fidi li jistqarr Pietru, li jistqarr l-Papa.

    Imma hemm kelma oħra li ma tingħatax tifsira għaliex, kif intqalet, kienet tfisser diġà dawn il-ħafna affarijiet. Ġwanni l-Battista, l-għammied, jara lil Ġesù li kien għaddej u quddiem id-dixxipli tiegħu jgħid: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla” (v. 36).  Issa dan kien qed jara raġel miexi, mhux il-ħaruf l-annimal. Għaliex qal ‘il-ħaruf ta’ Alla’?  Bl-Aramajk il-kelma ‘ħaruf’ tfisser ukoll iben u tfisser ukoll ‘qaddej’. Il-ħaruf kien dak li jingħata bħala sagrifiċċju, magħżul bħala offerta. Meta Ġwanni indika lil Ġesù bħala l-Ħaruf ta’ Alla, id-dixxipli tiegħu fehmu li kien qed jindikah mhux biss bħala dak li se jagħti ħajtu b’fidwa, b’sagrifiċċju, imma wkoll li huwa l-Iben u għaliex l-Iben ukoll qaddej.

    Iċ-ċurkett li nagħtu mhuwiex rabta ċoff: huwa rabta għal dejjem.

    Kemm hi ħaġa sabiħa li intom u tikkonsagraw lil xulxin dakinhar taż-żwieġ, tiftakru li qegħdin tbierku lil xulxin fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Hekk se tagħmlu meta intom tagħtu ċ-ċrieket lil xulxin: “Ħu dan iċ-ċurkett bħala sinjal ta’ mħabbti u tal-fedeltà tiegħi lejk, fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”. Hekk ser tgħidu lil xulxin. Nisperaw li meta torbtuhom ċoff l-għoqda tkun tista’ tinħall imma dakinhar nawguralkom li ċ-ċurkett tkunu tistgħu ġġibuh b’faċilità għax ġieli kellna nġibu mqass għax l-għoqda tkun magħmula kważi meħjuta. Imma mbagħad iċ-ċurkett li nagħtu mhuwiex rabta ċoff: huwa rabta għal dejjem. Iċ-ċurkett jintrabat b’rabta ċoff sakemm tagħtuh lil xulxin imma mbagħad mhijiex rabta ċoff li tiġbidha u tħollha kif u meta trid inti.

    Żewġ ħsibijiet qosra. L-Ewwel Qari (1 Sam 3, 5-10.19) aħna nużawh ħafna drabi meta nitkellmu fuq il-vokazzjonijiet. Il-Mulej isejjaħ u xi ħadd jirrispondi. F’dan il-każ għandna s-sejħa ta’ Samwel. Samwel ismu miegħu; ommu semmietu Samwel għaliex ma setax ikollha tfal u kienet tmur it-tempju tibki. Kien hemm waħda li kienet tinkiha u kienet tgħid: “Mulej, ħenn għalija” u l-Mulej ħenn għaliha, kellha dan it-tifel u semmietu Samwel għax Alla jisma’, Samwel bil-Malti nifhmu mal-ewwel anke l-Ebrajk għax l-istess lingwi Samwel, Alla jisma’, sama’ Samwel. Imma ħin minnhom, Alla li kien sema’ lil omma dan it-tifel, ried ukol lit-tifel jisimgħu. “Samwel, Samwel” (v. 9). Meta Alla jsejjaħlek, isejjaħlek b’ismek.

    Il-vokazzjoni fundamentali tiegħek mil-lum ’il quddiem hi li tkun raġel miżżewweġ, mara miżżewġa.

    Lilkom sejħilkom għaż-żwieġ u sejħilkom b’isimkom, sejħilkom b’isimkom biex issiru sinjal ta’ kemm iħobb lid-dinja, biex tkunu sagrament, sinjal, ta’ kemm iħobb lill-bnedmin. Sejħa speċjali u sejjaħlek b’ismek. Għalhekk intom ir-rit taż-żwieġ li se tiċċelebraw kemm-il darba ssejħu lil xulxin b’isimkom. ‘Jiena, John, nieħu lilek, Mary’. Għaliex? Għaliex intom tafu lil xulxin b’isimkom. Alla sejjaħlek b’ismek, jafek, jaf il-preġji tiegħek, jaf id-difetti tiegħek, iħobbok u jafdak. Sejjaħlek.

    U din hija l-vokazzjoni tiegħek, tista’ tagħmel x’tagħmel fid-dinja. Waqt ix-xogħol taf illum tagħmel ħaġa u għada tagħmel oħra, imma l-vokazzjoni fundamentali tiegħek mil-lum ’il quddiem hi li tkun raġel miżżewweġ, mara miżżewġa. Dik hi il-vokazzjoni tiegħek: li trid tagħti l-kulur, it-togħma lil ħajtek kollha. Mhijiex dettal; l-ewwel il-karriera u kultant miżżewweġ biex ma tafx inti, ma joqogħdux jgħiduli ‘inti miżżewweġ? Ngħidilhom, ‘Iva, sibt waħda mit-triq u ġbartha’. Mhux hekk.  U tgħiduli, ‘Issa tara, il-kontijiet li ġejjin, tfakkarniex!’ tgħiduli. Għandkom raġun.

    It-tieġ hu l-bidu taż-żwieġ.

    Ħa niftaħ parentesi: issa li hemm hemm, imma tħallux it-tieġ inessikom iż-żwieġ, tħallux it-tieġ insessikom iż-żwieġ! It-tieġ jiġi u jmur, importanti ħafna, imma ż-żwieġ jibqa’. It-tieġ hu l-bidu taż-żwieġ. Imma tħallux it-tieġ inessikom iż-żwieġ, ifhmuni. Tgħiduli, ‘M’għandniex żmien għal xulxin’. Problema dik, lejlet it-tieġ. ‘Hemm bżonn nagħmlu ħin għal xulxin.’

    “Tkellem għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’” (v. 10). Din hija l-kelma sabiħa ta’ Samwel li nixtieq li tieqfu ftit tirriflettu dwarha. Kemm hemm bżonn li intom fil-ħajja taż-żwieġ tkunu tistgħu tgħidu, ‘almenu matulek ja ġurnata, almenu darba kuljum, tkellem għax il-qaddej tiegħek, il-maħbub tiegħek qiegħed jisma’. Tkellem għax il-qaddejja tiegħek, il-maħbuba tiegħek, qiegħda tisma’. Meta ngħid il-kelma ‘qaddej’ mhux għax xi ħadd hemm fuq u wieħed taħt imma għaliex il-Mulej qalilna li nħobbu lil xulxin billi “naħslu saqajn xulxin” (Ġw 13, 14). F’Ħamis ix-Xirka dan hu l-kmandament li tana.

    L-imħabba ta’ benjietkom trid tkun ukoll imħabba tas-servizz.

    L-imħabba ta’ benjietkom trid tkun ukoll imħabba tas-servizz, imħabba li tagħti ħajjitha u l-ewwel prova ta’ kemm tagħti ħajtek huwa li tisma’. U inti ma tismax biss il-kliem imma tisma’ it-taħbita tal-qalb. ‘X’għandek kemm int imdejjaq?’ ‘U kieku taf!’. Isimgħu ftit. Dan kif il-froġa ġiet veru froġa llum? Ismagħha!

    Il-Papa Franġisku għandu paragrafu sabiħ ħafna fuq id-djalogu bejn il-koppja. Ħa naqralkom silta qasira, ma nixtieqx indum wisq. Il-Papa jgħid: “Kemm hu importanti li aħna nitgħallmu nisimgħu lil xulxin. Insibu l-ħin, ħin ta’ kwalità li jikkonsisti fis-smigħ bis-sabar u l-attenzjoni sa mal-ieħor ikun esprima dak kollu li xtaq jesprimi”. Kultant aħna ma jkollniex paċenzja u ‘aqlagħha, kemm se ddum ġej!’. Inti agħti ċans lil dak li jkun. Dan jitlob minna li nitħarrġu biex ma nibdewx nitkellmu aħna qabel ma jkun il-waqt it-tajjeb. Flok nibdew noffru l-fehmiet u l-pariri tagħna, irridu naraw li nkunu smajna dak kollu li l-ieħor ikun iħoss li għandu jgħid.  Pereżempju jrid jgħidlek li tilef ix-xogħol, kif se jgħidilek din qabel ma titfagħlu l-ewwel borma li tiġi għal idejk? Nagħtu ċans lil xulxin.

    Fil-vokazzjoni tagħkom is-sess huwa mbierek, is-sess huwa barka, huwa lingwaġġ ta’ mħabba.

    It-tieni u l-aħħar ħsieb li xtaqt naqsam magħkom huwa spirat mit-Tieni Qari. Dan il-qari ma kienx magħżul għalikom, huwa l-qari li fid-dinja kollha l-Kattoliċi qegħdin jisimgħu f’dan il-weekend.  “Il-Ġisem mhuwiex għaż-żina iżda għall-Mulej” (1 Kor 6, 13). Tgħiduli imma dan xi tfisser għalina? L-ewwel nett iż-żina x’inhi? Iż-żina hija l-użu ħażin tas-sesswalità, mhux is-sess. Fil-vokazzjoni tagħkom is-sess huwa mbierek, is-sess huwa barka, huwa lingwaġġ ta’ mħabba. L-ewwel nett jgħaqqadkom u ċċaħdux lil xulxin minn xulxin, u jekk irid il-Mulej, minnu wkoll ikollkom id-don tal-ulied li nawguralkom li jkollkom.

    Iż-żina hija l-espressjoni fis-sesswalità ta’ egoiżmu u vjolenza kbar. U l-Mulej isaffikom mill-użu ħażin tas-sess li, minflok jintuża’ biex tħobbu lil xulxin, jaf jintuża’ biex tumiljaw lil xulxin, jew tfittxu biss lilkom nfuskom. Dak huwa li San Pawl javżana biex nevitaw “għaliex il-ġisem huwa għall-Mulej”, il-ġisem huwa ħaġa qaddisa li l-Mulej ħalaqha bis-sess biex tkun lingwaġġ ta’ mħabba. “Agħtu ġieħ lil Alla permezz ta’ ġisimkom” (v. 20). Din hija l-vokazzjoni tagħkom. Intom u tħobbu lil xulxin kif irid il-Mulej, qed tagħtu ġieħ lil Alla u dan ukoll huwa s-sagrament li għalih imsejħin.

    Mela tmorrux bl-idea li Ġesù Kristu huwa l-għadu tal-ferħ u tal-passjoni erotika tagħkom. Anzi, huwa l-ikbar ħabib li jixtieq isaffilek l-imħabba tiegħek biex anke fl-użu qaddis tas-sesswalità, tikbru fl-imħabba ta’ xulxin.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja