• Il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) hija waħda mill‑entitajiet li kienet issuġġeriet li l‑Awtorità Maltija dwar l‑Ambjent u l‑Ippjanar (MEPA) kellha tinqasam f’żewġ awtoritajiet[1] sabiex ikun żgurat li interessi ambjentali ma jkunux fgati minn interessi oħra li ma jikkontribwixxux għal titjib fil‑kwalità tal‑ħajja taċ‑ċittadini. Madanakollu, kienet il‑KA ukoll li uriet it‑tħassib tagħha dwar il‑mod kif saret il‑qasma tal‑MEPA fl‑Awtorità tal‑Ippjanar (PA) u l‑Awtorità għall‑Ambjent u r‑Riżorsi (ERA). Il‑KA tħoss li din il‑qasma setgħet saret ħafna aħjar, b’mod li jiġu evitati deċiżjonijiet ‘strambi’ li jqajmu ħafna mistoqsijiet dwar l‑operat tal‑istess awtoritajiet[2]. Eżempji ta’ deċiżjonijiet ta’ dan it‑tip huma msemmija hawn taħt.

     

    L‑iżvilupp tal‑lukanda Fortina f’Tas‑Sliema

    L‑ERA ħasset li ma kienx hemm ħtieġa ta’ Environment Impact Assessment (EIA) biex jevalwa l‑impatt li se jħallu ż‑żieda ta’ ħames sulari fuq torri ta’ 17‑il sular, it‑twaqqiegħ ta’ strutturi eżistenti u l‑bini ta’ blokk ta’ 15‑il sular ta’ appartamenti. Din id‑deċiżjoni ttieħdet għax l‑ERA ħasset li probabbilment dan l‑iżvilupp mhux se jkollu impatti ambjentali li jistgħu jkunu indirizzati b’mod effettiv f’EIA. Għalhekk l‑applikazzjoni se tkun evalwata abbażi ta’ Project Description Statement (PDS) li ppreżentaw l‑istess żviluppaturi u li (skont l‑ERA) jikkunsidra l‑kwistjonijiet ambjentali b’mod suffiċjenti.

    Il‑KA temmen li l‑fatt li sit ikun f’ambjent urban, ma jfissirx li wieħed għandu japprova fuqu kull tip ta’ żvilupp, aktar u aktar meta dan jista’ jkollu impatti negattivi fuq il‑komunità. Jidher li din id‑deċiżjoni ma qisitx wieħed mill‑pilastri ta’ żvilupp sostenibbli, jiġifieri t‑tħaris tal‑ambjent soċjali. Dan in‑nuqqas diġà kien indikat mill‑oġġezzjonijiet tal‑Kunsill Lokali ta’ Tas‑Sliema li talab li jsir Traffic Impact Assessment u Social Impact Assessment. Anke l‑istess PDS isemmi li ma ġiex studjat biżżejjed l‑effett taż‑żieda fit‑traffiku fuq il‑kwalità tal‑arja.

    L‑ironija ta’ dan kollu hi li fl‑istess perjodu li ttieħdet din id‑deċiżjoni, l‑ERA nediet regolamenti ġodda intenzjonati li jsaħħu l‑EIAs billi fil‑proċess evalwattiv jintroduċu temi ġodda bħas‑saħħa tal‑bniedem u t‑tibdil fil‑klima fost l‑oħrajn.

    Il‑ħtieġa ta’ dawn ir‑regolamenti kienet ilha tinħass, u l‑KA tinnota b’sodisfazzjon it‑twettiq ta’ diversi suġġerimenti li kienet għamlet hi fl‑imgħoddi. Fost dawn hemm: (a) li dawn ir‑rapporti jinkitbu b’mod li jinftiehem mill‑pubbliku (b) li jiżdied il‑perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika (ċ) li żviluppatur ma jitħalliex jifframmenta proġett mostruż f’serje ta’ proposti żgħar (d) li jkun hemm prova tal‑oġġettività tal‑konsulenti involuti (il‑KA kienet saħansitra talbet li jkunu ppubblikati l‑ismijiet ta’ dawk involuti – speċjalment fid‑dokument ta’ konsultazzjoni pubblika).

    Madanakollu, il‑KA tinkwieta meta f’regolamenti bħal dawn jibdew jiddaħħlu l‑eżenzjonijiet mingħajr kontroll xieraq. L‑esperjenza f’pajjiżna wriet li taħt kull amministrazzjoni tfaċċaw persuni li speċjalizzaw fl‑arti li tilgħab bil‑liġi u ssib kif tgħaddi mit‑tieqa, meta l‑ispirtu tal‑liġi (jiġifieri li tipproteġi liċ‑ċittadin) ikun għalaq il‑bieb għal dan l‑abbuż! Eżenzjonijiet minn skrutinju rigoruż min‑naħa ta’ ppjanar wasslu għall‑bini tal‑hangar ta’ Xatt it‑Tiben, li huwa insensittiv għas‑swar tal‑Kapitali Ewropea tal‑Kultura u għat‑twaqqif ta’ shooting range pubblika fuq art tal‑Pulizija f’Ta’ Kandja. Issa huwa fatt magħruf li r‑raġuni vera għal din l‑eżenzjoni ma kinitx biex il‑Pulizija jkollha shooting range imma biex Malta tospita kompetizzjoni internazzjonali. Dan hu abbuż flagranti tal‑ispirtu tal‑liġi. 

     

    L‑approvazzjoni tal‑emendi fuq is‑sit ta’ Mercury House f’Paceville u l‑proġett massiv fil‑Bajja ta’ San Ġorġ

    Il‑KA ma tistax tifhem kif quddiem opportunità li tinkwadra proposta ta’ żvilupp fi pjan ħolistiku, il‑PA tagħżel li jkompli jsir żvilupp massiv f’reġjun fejn l‑istess Awtorità wriet il‑ħtiega ta’ (u qed taħdem fuq) masterplan. Wieħed jistaqsi: Forsi min ivvota favur il‑proġett ta’ 31 sular fis‑sit ta’ Mercury House f’Paceville serraħ rasu għax il‑proġett se jinkludi 4,000 m2 ta’ spazji miftuħa u għax kien impost ħlas (relativament miżeru) ta’ €50,000 fuq l‑iżviluppatur bħala kontribuzzjoni għal fond artistiku?

    Filwaqt li tinnota b’sodisfazzjon li kien hemm tliet membri tal‑Bord tal‑Awtorità li vvutaw kontra l‑applikazzjoni, il‑KA ma tistax tifhem kif ir‑rappreżentanti tal‑Gvern u tal‑Oppożizzjoni, filwaqt li qablu mal‑bżonn li l‑iżvilupp propost għandu jkun fil‑kuntest ta’ masterplan, xorta waħda vvutaw favur dan il‑proġett. Il‑mistoqsijiet jiġu waħedhom. X’jiġi l‑ewwel għall‑partiti? Liema interessi qed jiddefendu? Min se jirrappreżenta l‑interessi taċ‑ċittadini li għandhom għal qalbhom il‑ġid komuni u li huma kontra proġetti ta’ żvilupp esaġerat bħal ma hu dan?

    Fil‑każ tal‑iżvilupp fil‑Bajja ta’ San Ġorġ, huwa sinifikanti li waqt li kien qed ikun approvat il‑proġett tal‑Bajja ta’ San Ġorġ, l‑ogħla uffiċjal eżekuttiv tal‑Awtorità tal‑Ippjanar ġie kkwotat jgħid li hija ħasra li ma jeżistix masterplan.[3] Fl‑aħħar mill‑aħħar il‑proġett xorta kien approvat, u l‑KA temmen li l‑impatt kumulattiv tal‑proġetti kollha f’Paceville u l‑Bajja ta’ San Ġorġ għad jinħassu ’l quddiem. Ma’ dan, wieħed ma jistax ma jixgħelx il‑bozza l‑ħamra fuq l‑attakki kostanti li qed isiru minn diversi żviluppaturi biex isir ‘żvilupp mill‑ġdid’ (frażi li tinstema’ iktar aċċettabbli minn ‘qerda tal‑wirt arkitettoniku’) ta’ siti li għandhom valur kulturali u storiku sinifikanti fil‑qalba tal‑komunitajiet urbani. Ilna sa mis‑snin disgħin naraw jittellgħu lukandi li jieħdu post strutturi storiċi tas‑seklu 19, u saħansitra torri ta’ żmien l‑Ordni tal‑Kavallieri ta’ San Gwann jiġi midfun ġewwa lukanda moderna. Jidher ukoll li ftit qed ninkwetaw għall‑ħsara li jistgħu jġarrbu siti ddikjarati ‘protetti’ bħall‑Għar ta’ Ħarq Ħamiem fil‑Bajja ta’ San Ġorġ.

    F’dan il‑kuntest wieħed jistaqsi: X’saħħa għandhom l‑entitajiet kostitwiti bil‑għan li jaraw li l‑ambjent, speċjalment il‑wirt naturali, kulturali u artistiku, u l‑fibra soċjali ta’ pajjiżna jingħataw il‑prijorità li tixirqilhom? Il‑KA tingħaqad mal‑Kummissarju għall‑Ambjent fl‑Uffiċċju tal‑Ombudsman[4], u ttenni dak li qalet diversi drabi: li sakemm l‑ERA u s‑Sovrintendenza tal‑Patrimonju Kulturali ma jkollhomx is‑saħħa tal‑veto f’kull deċiżjoni kontroversjali li jkollha quddiemha l‑PA, allura se nibqgħu naraw jittieħdu deċiżjonijiet li mhux tassew ipoġġu fuq quddiem il‑ġid komuni. [5]

    Fid‑diskorsi tagħhom il‑politiċi spiss jistaqsu liċ‑ċittadini: ‘Kif tixtiequ li l‑istorja tibqa’ tiftakar lil din il‑ġenerazzjoni?’ Quddiem l‑approvazzjoni ta’ dawn il‑proġetti, il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tixtieq tindirizza din l‑istess mistoqsija lil dawk kollha involuti fit‑tfassil tal‑pjani u policies ta’ żvilupp u dawk involuti fid‑deċiżjonijiet għall‑permessi ta’ żvilupp.

    [1] Stqarrijiet maħruġa mill-KA:

    [2] Stqarrijiet maħruġa mill-KA:

    [3] http://www.independent.com.mt/articles/2018-02-22/local-news/PA-Board-approves-major-development-in-Villa-Rosa-Cresta-Quay-area-in-St-Julian-s-6736185213

    [4]  Rapport għas-sena 2016 ippreżentat fil-Parlament mill-Ombudsman (pġ. 91)

    [5] Reazzjoni għat-tliet abbozzi ta’ liġi dwar il-qasma tal-MEPA http://thechurchinmalta.org/mt/posts/51546/reazzjoni-tal-kummissjoni-ambjent-ghat-tliet-abbozzi-ta-ligi-dwar-il-qasma-tal-mepa (11 ta’ Awwissu 2015)

    Għoxrin Proposta lill-Partiti Politiċi għall-Elezzjoni Ġenerali 2017 http://thechurchinmalta.org/mt/posts/69084/ghoxrin-proposta-lill-partiti-politici-ghall-elezzjoni-generali-2017 (11 ta’ Mejju 2017)

    Ippjanar għall-ftit għal-lum – mhux għal għada għal kulħadd – Messaġġ fil-Jum Dinji għall-Ippjanar Urban 2017 http://thechurchinmalta.org/mt/posts/73466/-ippjanar-ghall-ftit-ghal-lum–mhux-ghal-ghada-ghal-kulhadd (7 ta’ Novembru 2017)

  • Ritratt: Ian Noel Pace