The Creative Voice that does not Shake, pubblikazzjoni minn nisa li għaddew minn esperjenza ta’ abbuż u li jgħixu fil-Milja, Fondazzjoni Sebħ, tnediet fit-8 ta’ Marzu fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara. Permezz ta’ din il-pubblikazzjoni n-nisa ngħataw spazju biex jesprimu lilhom infushom permezz ta’ mezzi kreattivi bħall-arti, poeżiji, kitba u talb. Il-ktejjeb ta l-opportunità lil dawn in-nisa joħolqu għarfien dwar abbuż u vjolenza li għadha teżisti sal-lum minkejja li sar progress fil-ħajja tan-nisa madwar id-dinja. Dan il-ktejjeb sar grazzi għas-sapport tal-Association of International Women in Malta li f’din l-okkażjoni koprew l-ispejjeż tal-istampar, u b’hekk komplew jagħtu messaġġ lil dawn in-nisa li leħinhom hu importanti u li huma stess huma importanti.

Yvonne Mallia, id-Direttur ta’ Fondazzjoni Sebħ, introduċiet l-avveniment  b’toqol u swied il-qalb fid-dawl tal-qtil ta’ Rita Ellul, allegata vittma oħra ta’ vjolenza domestika, ġimgħa biss ilu – it-tieni femiċidju matul din is-sena wara l-qtil ta’ Paulina Dembska. Fl-istess waqt esprimiet ukoll emozzjonijiet ta’ kuraġġ u tama, għax qed titwassal vuċi ċara b’messaġġi li juru t-tbatijiet li jgħaddu minnhom nisa vittmi ta’ vjolenza u wliedhom, iżda wkoll messaġġi mimlija kuraġġ dirett mingħand persuni li esperjenzaw il-vjolenza domestika. Mallia rringrazzjat lin-nisa talli huma “lesti li juri s-soċjetà t-tbatija li jgħaddu minnha, it-tamiet tagħhom għalihom, uliedhom u għal nisa oħra.” 

Appellat lis-soċjetà biex tisma’ sew il-vuċi ċara ta’ dawn in-nisa, talbet biex flimkien naġixxu kontra l-vjolenza domestika u fakkret li l-vittma qatt m’għandha ġġorr ir-responsabbiltà tal-abbuż li ġġarrab.

Audrey Friggieri, il-Kummissarju tal-Vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika, attendiet għat-tnedija żiedet tgħid li dawn huma nisa li jafu x’inhi l-umiljazzjoni, is-solitudni, id-disperazzjoni u l-biża’, li huma għelbu permezz tal-imħabba, tat-tama, u tal-kuraġġ. Huma qed jaqsmu dan kollu magħna permezz ta’ din il-ktejjeb. 

“Fl-aħħar mill-aħħar l-esperjenzi tagħhom huma esperjenzi umani, u hekk kif qed jaqsmuhom magħna, qed jgħallmuna dwar il-ħajja, kif ukoll dwar l-ikbar imħabba li hemm – dik li tħobb lilek innifsek. Mingħajrha din ma tista’ tħobb ’il ħadd tassew. Dawn in-nisa rebħu waħda mill-ikbar battalji li jista’ jkollna f’ħajjitna – dik li nissieltu fis-skiet kontra d-dlamijiet li jaħkmuna, filwaqt li nfittxu fina dik is-saħħa li għandna bżonn biex nibnu lilna nfusna minn qalb it-tkissir li jġibu magħhom l-abbuż u l-vjolenza mingħand xi ħadd li ħabbejna u ma’ min ħlomna dwar ħajja sabiħa flimkien. Għalkemm, aktarx li ma nsibuhomx jimmarċjaw fit-toroq f’Jum il-Mara ’l dawn in-nisa, huma  gwerriera u rebbieħa!”

Waqt l-attività saret minuta ta’ silenzju biex jiġu onorati nisa fi gwerer u żoni ta’ kunflitt li esperjenzaw stupru u diversi torturi oħra.