• ***

    Direttur:          Eli Roth

    Atturi:              Jack Black, Cate Blanchett, Owen Vaccaro, Renée Elise Goldsberry, Sunny Suljic, Kyle MacLachian, Colleen Camp, Lorneza Izzo u Vanessa Anne Williams

    Ħin tal-Film:    105 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                         12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                              12

    Fl-1953, Lewis Barnvelt, tifel ta’ għaxar snin, imur jgħix f’New Zebedde, ġewwa Michigan ma’ zijuh Jonathan f’dar antika u misterjuża. Lewis safa’ orfni meta l-ġenituri tiegħu mietu f’inċident stradali. Lewis xtaq ħafna li jgħix it-tfulija tiegħu f’ħajja normali, iżda ma jdumx ma jintebaħ li ħajtu kellha tieħu bixra ohra, ‘l bogħod ħafna minn dak li xtaq. Iz-ziju Jonathan kien bniedem eċċentriku u saħħar, għalkemm kellu intenzjonijiet tajba. Xejn ma kien jixbaħ lil Florence Zimmerman, ħabiba u ġara tiegħu li wkoll kienet saħħara kapaċi iktar minn Jonathan, b’karattru ħelu ħafna. Id-dar fejn iz-ziju Jonathan kien qiegħed jgħix issa u li Lewis sab ruħu jgħix fiha, ftit snin qabel kienet id-dar ta’ Isaac u Selena Izard. Isaac sfortunatament kien ġie ttrawmatizzat meta kien qiegħed jiġġieled fit-Tieni Gwerra Dinjija tant li sar bniedem negattiv.

    Qabel ma miet, Isaac kien determinat li jagħmel biss ħsara lill-umanità billi ħadem arloġġ  ta’ qawwa kbira u kien ħbieh x’imkien fid-dar li kienet impossibbli li xi ħadd xi darba jsib din il-moħba. Dan l-arloġġ, moħbi tajjeb, il-ħin kollu kien qiegħed itekktek eternament billi jipprova jiġbed id-dinja f’allinjament maġiku b’riżultat  li sejjer jippermetti lil Isaac li jikkawża t-tmiem tad-dinja. L-apparenza kwieta tal-belt New Zebedde kellha tieħu skoss għaliex id-dinja tas-sħaħar li issa Lewis sar midħla tagħha, biex jimpressjona lil Traby Corrigan, tifel popolari ħafna fl-iskola, jittanta jqajjem mill-mewt lil Isaac.

    Diżgrazzjatament Lewis ma jobdiex l-unika regola li zijuh kien għamillu biex ma jiftaħx armadju li fih kien hemm ktieb maġiku. Ir-riżultat tal-maġika li Lewis wettaq fiċ-ċimiterju kien tħarbita kbira mhux biss għal Lewis u z-ziju Jonathan u Florence iżda għall-belt kollha li ġiet effetwata minn fantażmi u kreaturi grotteski. X’sejjer jagħmel issa Lewis biex iwaqqaf il-ħsara kbira li s-saħħar Isaac, issa ħaj mill-ġdid u li flimkien ma’ martu, s-saħħara Selena, li kienet toqgħod faċċata tad-dar, kienu lesti li jagħtu bidu għall-pjan djaboliku tagħhom?

    Film Amerikan, mimli azzjoni u fantasija, taħt id-direzzjoni ta’ Eli Roth, msejjes fuq in-novella bl-istess isem, miktuba minn John Bellairs. Minħabba tema ta’ okkult, xeni ta’ perikli kif ukoll xi kliem goff, ikun tajjeb li l-film  jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.