• L‑artist Malti ta’ fama internazzjonali Joseph Calleja ta b’donazzjoni lill‑Arċidjoċesi ta’ Malta 15‑il pittura tiegħu mis‑serje “Is‑Sagrifiċċju tal‑Ħrief”. Dawn il‑pitturi nħadmu fuq medda ta’ 15‑il sena, bl‑etika u l‑fidi jkunu ż‑żewġ temi ewlenin ta’ dan ix‑xogħol artistiku.

    “Is‑Sagrifiċċju tal‑Ħrief” juru l‑ħaruf tas‑sagrifiċċju sa minn żmien il‑qedem sal‑ħrief tas‑sagrifiċċju tal‑ġurnata tal‑lum impoġġija fuq l‑altari tal‑kunflitti u l‑gwerer. Dawn il‑15‑il pittura jixhdu l‑għeruq kulturali u s‑sensittività tal‑artist quddiem it‑traġedji u t‑tbatijiet tal‑bniedem. Fuq għażla ta’ Calleja stess, il‑pitturi la għandhom isem u lanqas id‑data ta’ meta tlestew.

    L-artist kien ispirat mit‑tempji Neolitiċi Maltin li fuq l‑artali tal‑ġebel tagħhom kien jitpoġġa wkoll ħaruf bħala offerta ta’ sagrifiċċju lill‑allat. Il‑ħaruf, li minn dejjem kien simbolu tal‑innoċenza, sar is‑simbolu tas‑salvazzjoni permezz ta’ Ġesù Kristu, il‑Ħaruf ta’ Alla, li miet fuq is‑salib biex jifdi lill‑umanità. 

    Joseph Calleja, li għandu 93 sena, twieled ix‑Xewkija Għawdex u ilu għal dawn l‑aħħar 60 sena jgħix f’Toronto, il‑Kanada. Huwa magħruf bħala wieħed mill‑aqwa artisti Maltin tal‑arti moderna.

    L‑Arċisqof Charles J. Scicluna rringrazzja lill-artist Joseph Calleja tal‑ġenerożità tiegħu u awgura li l‑arti tkompli tkun espressjoni ta’ fidi u ta’ tama quddiem ir‑realtajiet kiefra li jiffaċċja l‑bniedem.