• **

    Direttur: Lone Scherfig
    Atturi:Sam Claflin, Max Irons, Holiday Grainger
    Ħin:107 minuti
      
    Klassifika taċ-Ċensura: 15
    Klassifika tal-Knisja: 18
     
    Alistair u Miles huma żewġ studenti ġodda fl-universita’ ta’ Oxford; it-tnejn li huma ġejjin minn familji sinjuri u għalhekk  jikkwalifikaw biex isiru membri tar-Riot Club, klabb esklussiv magħmul mill-aqwa għaxar studenti li jkunu marru fl-aqwa skejjel Ingliżi u li jkunu ġejjin mill-aktar familji sinjuri. Dan il-klabb kien twaqqaf minn Lord Riot, bniedem edonist għall-aħħar. Wara li Lord Riot ġie maqtul għax kien issuduċa l-mara ta’ professur, sħabu waqfu soċjeta’ privata b’tifkira tiegħu; l-għan ta’ din is-soċjeta’ huwa li kull sena jagħmlu ikla li fiha l-membri igawdu bl-addoċċ qabel ma’ jagħmlu ħerba mill-post li jkunu krew għal ikla, bil-ħsieb, iżda, li wara jħallsu d-danni li jkunu għamlu. Alistair u Miles ma jdumux ma jiddaħħlu membri tar-Riot Club u jibdew iduqu l-ħajja extravaganti u edonista ta’ dan il-klabb. Il-membri l-oħra joqgħodu jiġbdu saqajn Miles għax ikun qed joħroġ ma’ tfajla ‘komuni’, mhix ġejja minn familja sinjura. Minn naħa l-oħra, Miles mimli rabja għal kollox u għal kullħadd. L-ikla li jmiss waslet u tissarraf f’esperjenza esplossiva.
     
    Film drammatiku, adattat mid-dramm ta’ Laura Wade: Posh, dwar grupp ta’ studenti privilleġġati li huma imnieħirhom imxammar, razzisti, u jiddisprezzaw lin-nisa, u li ‘l quddiem jispiċċaw imexxu s-soċjeta’ Ingliża. Huwa botta għas-sistema tal-klassijiet soċjali Ingliżi. Il-karattri tal-film tant huma kesħin u amorali li diffiċli tinġibed lejhom. Il-film fih temi adulti, kliem ħażin, xeni ta’ vjolenza u sesswalita’, u teħid ta’ droga. Jgħodd għal udjenza adulta.