Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) ssostni li l-applikazzjoni tal-estensjoni tal-Università Amerikana ta’ Malta (AUM) mhux biss hi ta’ dannu għas-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-Kottonera u l-patrimonju storiku kulturali, iżda tmur kontra l-qafas tal-ippjanar tal-Pjan Lokali tal-Port il-Kbir. Il-Policy GP07 tal-Pjan Lokali tal-Port il-Kbir titlob li:
Ġeneralment, bini u strutturi ma jistgħux idallmu jew jiddominaw fuq is-swar. Strutturi “ingumbranti”, li jaqbżu l-għoli tal-bini preżenti, normalment ma jiġux aċċettati. Madankollu f’każijiet speċifiċi, jista’ jkun li jiġu aċċettati minħabba bżonn neċessarju ta’ livell prestiġġjuż u kulturali. Iżda din hi sitwazzjoni li mistennija ssir rarament, jekk mhux xejn.
Il-KA temmen li l-proġett propost hu eżempju ċar li l-ippjanar f’Malta qiegħed fil-periklu li jservi dejjem aktar l-interessi tal-ftit, u mhux l-interess pubbliku tal-komunità kollha.
L-applikazzjoni sabiex jittieħdu wħud mill-ftit spazji miftuħa li hemm fil-qalba tal-Kottonera, sabiex jakkomodaw faċilitajiet għall-AUM, hija eżempju ċar ta’ dawn il-perikli. Meta hemm tant dubji dwar il-ħtieġa u l-utilità ta’ dawn il-faċilitajiet, u meta jidher ċar li mhumiex fl-aħjar interess tal-komunitajiet tal-Kottonera, wieħed jitħasseb mhux ftit dwar lil min sewwasew qed iservi l-ippjanar f’pajjiżna.
Il-KA tesprimi solidarjetà mar-residenti tal-Kottonera li qed isemmgħu leħinhom biex iħarsu l-ambjent tal-inħawi għat-tgawdija kemm tal-ġenerazzjoni tal-lum kif ukoll ta’ dawk futuri, u tappella sabiex jirrenja s-sens komun u l-ġid komuni, filwaqt li tittama li dan il-permess ma jingħatax.