Waqt ir-reċita tal-Angelus, Papa Franġisku ġedded l-awgurju tal-Għid bil-kliem ta’ Kristu nnifsu meta qam minn bejn l-imwiet: ‘il-paċi magħkom’. Dan qal li hu d-don prezzjuż li Kristu joffri lid-dixxipli tiegħu wara li għadda mill-mewt. “Alla ta d-don tal-paċi tiegħu lid-dinja, don li hu frott ir-rebħa li għamel Kristu fuq il-mewt u fuq il-ħażen. Huwa d-don tal-ħniena li ġġib il-maħfra”, kompla.
Il-Papa żied jgħid li l-liturġija tal-ġurnata tiċċelebra permezz tal-evanġelju l-qdusija tal-fidi Nisranija u għalhekk qal li għandhom ikunu mberkin dawk li ma jarawx u jemmnu. Fl-appell tiegħu, il-Papa qal li l-umanità għandu jkollha l-kuraġġ li timxi wara Ġesù u ma tistħix tipprattika l-Kristjaneżmu u xxandar lil Kristu Rxoxt għax Kristu li qam minn bejn l-imwiet jissimbolizza l-paċi. Fl-aħħarnett, Papa Franġisku tenna li l-umanità għandu jkollha fiduċja sħiħa fil-ħniena t’Alla.
Intant, Papa Franġisku awgura pjazza f’isem il-beatu Ġwanni Pawlu II. Fil-5pm il-Papa kixef plakka kommemorattiva bil-kliem “Largo Beato Giovanni Paolo II”. Wara din iċ-ċerimonja, hu daħal fil-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran.
Il-pjazza kienet magħrufa għall-kunċerti u attivatijiet politiċi li kienu jsiru fiha. Il-Kunsill kien approva din il-bidla fl-isem tal-pjazza f’Jannar li għadda.