•  

  • L-Ittra Pastorali mill-Isqfijiet

     

  • Għeżież,

    Aħna nies li nħobbu d‑dar. Dan bir‑raġun, għax bejn dawk l‑erba’ ħitan tad‑djar tagħna jintisġu stejjer meraviljużi: stejjer ta’ familji li fihom l‑għaxqa, stejjer ta’ ġenerożità kbira; stejjer li ma jitwemmnux meta tara ġenituri ssagrifikati għal uliedhom, speċjalment fejn ikun hemm xi wild bi ħtiġijiet speċjali; stejjer erojċi, bħal fejn hemm mard serju.

    Imma mbagħad hemm djar fejn jinkitbu stejjer li tkun tixtieq li qatt ma seħħew, bħal fil‑każ ta’ ġenituri minsija minn uliedhom; bħal fejn hemm ġrieħi miftuħa minħabba l‑vjolenza domestika u l‑abbuż; jew bħal fejn hemm it‑tbatija li jġibu magħhom żwiġijiet imkissra. Hemm min saħansitra kellu jibdel daru għax ma setax jissaporti z‑zekzik tal‑ġirien. Hemm djar milquta sew mill‑faqar. Hemm djar fejn rifset il‑mewt u ħasdet ħajja li kienet għadha qed tiftaħ bħal warda.

    F’ċirkustanzi bħal dawn aħna ntennulkom dak li San Pietru qal lill‑magħtub li kien ħdejn il‑bieb tat‑Tempju: “Fl‑isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi!” (Atti 3:6). Meta nistiednu lil Ġesù jidħol fid‑dar tagħna, il‑preżenza tiegħu tagħmel il‑mirakli. Hekk ġara meta Ġajru sejjaħ lil Ġesù fid‑dar tiegħu għax bintu kienet marida serjament.

    Ma narawhiex bi kbira li fostna jkun hemm min jaħseb li mhux den biżżejjed li Ġesù jidħol fid‑dar tiegħu. Hemm min jaħseb li meta Ġesù jgħaddi mit‑triq tagħna, jaqbiżna u jibqa’ għaddej! Imma l‑ġrajja ta’ Żakkew mhux biss turina li Ġesù jidħol ukoll fid‑dar ta’ midneb pubbliku mistkerrah minn kulħadd, imma li saħansitra Ġesù stess jistieden lilu nnifsu biex imur għandu. Ġesù ma jidħolx fid‑dar għax ikun hemm l‑ordni, imma jkun hemm l‑ordni fid‑dar wara li jidħol Ġesù! Kristu miet għalina meta aħna konna għadna midinbin (ara Rum 5:8).  U kif jgħidilna San Ġwann, “aħna nħobbu, għax hu ħabbna l‑ewwel” (1 Ġw 4:19). Dwar dan, Santu Wistin jikkummenta li Kristu, li huwa l‑isbaħ fost ulied il‑bnedmin, miet għalina li konna koroh u mħawdin.


    L‑għarajjes ta’ Kana

    Lil dawk li jsibuha ftit bi tqila jilqgħu lil Ġesù d‑dar tagħhom, b’umiltà u mħabba nagħtuhom parir biex jagħmlu bħall‑għarajjes ta’ Kana: ma jibżgħux jieħdu għandhom lil Marija. Għax Marija tiġbed lil Ġesù warajha. Hija tgħinna nduqu t‑tjubija tal‑imħabba li Ġesù għandu lejn kulħadd, imma b’mod partikulari lejn dawk li ħabta u sabta jaraw id‑dar tagħhom ‘nieżla’.

    Dak li kien ser jiġri f’Kana għax naqashom l‑inbid, fid‑djar tagħna jista’ jiġri meta tfaqqa’ xi kriżi serja, bħal meta l‑aħwa jiksruha ma’ xulxin, meta ġenitur isib ruħu bla xogħol, meta xi ħadd fil‑familja jiċċappas bid‑droga, meta tixxellef il‑fedeltà fiż‑żwieġ, meta l‑futur tal‑familja jiċċajpar, meta jibdew jitmermru l‑prattiċi reliġjużi u jċedu s‑sisien tal‑fidi, u sfidi oħra.

    Is‑serenità fid‑djar tagħna tittiefes ukoll jekk fis‑soċjetà ta’ madwarna jkun hemm sitwazzjonijiet li jħassbuna, bħalma huwa t‑tnaqqir tal‑fiduċja fl‑istituzzjonijiet, in‑nuqqas ta’ rispett lejn il‑ħajja tal‑bniedem sa mill‑bidu nett tagħha fil‑ġuf, il‑faqar, il‑qerda tal‑ambjent, il‑korruzzjoni, u ħwejjeġ oħra.

    Għalina li nemmnu, ma jistax jonqos li dawk l‑affarijiet negattivi fil‑Knisja, bħalma huma l‑għeluq, ir‑reżistenzi għat‑tiġdid indikat mill‑Papa Franġisku, u l‑eżempji ħżiena, ikollhom eku fid‑djar tagħna.


    Il‑mumenti ta’ prova

    F’mumenti inkwetanti bħal dawn għandna bżonn nisimgħu lil Ġesù msallab itennilna l‑istedina li għamel lil Ġwanni filwaqt li wrieh lil Marija: “Hawn hi Ommok”, u bħal Ġwanni nieħdu lil Marija d‑dar tagħna. Min‑naħa tagħha, Marija toffrilna t‑tweġiba għax tindikalna lil Ġesù u tgħidilna: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Kif josserva l‑Papa Franġisku, li aħna nilqgħu lil Marija f’darna huwa t‑testment ta’ Ġesù.

    Fid‑dar ta’ Nazaret mhux biss kien hemm mumenti fejn Marija u Ġużeppi ma fehmux lil xulxin mill‑ewwel, imma wkoll nuqqas ta’ qbil bejn il‑ġenituri u binhom bħal meta ntilef f’Ġerusalemm. Għalhekk, Marija tifhem lil dawk il‑familji fejn hemm it‑tensjonijiet bejn il‑koppja jew bejn il‑ġenituri u l‑ulied.

    Id‑dar ta’ Nazaret taf xi tfisser kriżi ta’ fidi, għax kemm Marija u kemm Ġużeppi jitħawdu quddiem dak li Alla jitlob minnhom. Għaldaqstant, Marija għandha postha anki fid‑djar ta’ dawk li għaddejjin mil‑lejl mudlam tal‑fidi u qed jissaraw ma’ Alla.

    Meta Marija għaddiet tliet xhur fid‑dar ta’ Eliżabetta, min jaf kemm semgħet rakkonti ta’ din il‑koppja anzjana li għaddiet ħajjitha fl‑għajb tan‑nies għax ma kellhiex tfal. Marija għalhekk tifhem lil dawk il‑koppji li għandhom diffikultà biex jibdew jibnu l‑familja.

    Fil‑ħemda ta’ darha Marija tgħallmet xi prezz għoli switilha l‑maternità tagħha, bħal meta kien jaslilha li n‑nies kienu jgħajru lil binha Ġesù li huwa “wikkiel, sakranazz, ħabib tal‑pubblikani u l‑midinbin” (Mt 11:19), jew meta semgħet lill‑qraba jgħidu li Ġesù kien “tilef moħħu” (Mk 3:21). Fid‑dawl ta’ din l‑esperjenza, Marija tifhem lil dawk il‑ġenituri li wliedhom huma kkalunnjati u mgħajra, u hija solidali ma’ dawk il‑familji fejn hemm il‑mard jew l‑għeja mentali.

    Marija, li sieħbet lil Binha fit‑triq tal‑Kalvarju, kienet taf bit‑tradiment ta’ Ġuda, biċ‑ċaħdiet ta’ Pietru, bl‑abbandun tad‑dixxipli. Għalhekk hija tifhem lil dawk il‑koppji u familji mkissra b’xi tradiment.

    Marija, li baqgħet wieqfa ħdejn is‑salib, hija qrib il‑familji msallbin.

    Marija, li wara l‑mewt ta’ Ġesù kienet miġbura mal‑Appostli magħluqa fiċ‑Ċenaklu, illum tassisti lil dawk li għal xi raġuni jew oħra jinsabu magħluqa f’darhom u ma għandhomx il‑ħila joħorġu u jittamaw.


    Il‑Madonna Ta’ Pinu

    Nhar l‑Erbgħa bdejna r‑Randan, żmien li matulu, bis‑smigħ tal‑Kelma ta’ Alla, it‑talb, il‑penitenza u l‑karità, aħna nitħejjew għall‑Għid il‑Kbir. Kif dakinhar li Ġesù qam mill‑mewt huwa mar fid‑dar jiltaqa’ mad‑dixxipli li kienu flimkien imbeżżgħa mil‑Lhud u bil‑bibien magħluqa, hekk hija xewqa kbira tagħna li f’dan l‑Għid il‑Kbir Ġesù jiġi joqgħod magħna fid‑djar tagħna. Imma kif dakinhar fid‑dar tad‑dixxipli kien hemm Marija, hekk ukoll illum ejjew ma nibżgħux nieħdu lil Marija għandna, biex hi tgħinna nitħejjew għal din iż‑żjara ta’ Kristu Rxoxt.

    Ħassejna li għandna nqiegħdu quddiemkom lil Marija għaliex din is‑sena qegħdin infakkru l‑400 anniversarju tal‑kwadru tal‑Madonna Ta’ Pinu li minnu fl‑1883 hi sejħet lil Karmni Grima u Franġisk Portelli. Dakinhar il‑Madonna qalet lil Karmni biex tgħid tliet Ave Marijiet f’ġieħ it‑tlett ijiem li ġisimha dam fil‑qabar qabel ma ġiet imtellgħa s‑Sema bir‑ruħ u l‑ġisem. Fi kliem ieħor, fil‑ġrajja tas‑Santwarju Nazzjonali ta’ Pinu għandna rabta bejn l‑Għid ta’ Kristu u l‑Għid ta’ Marija. Li kieku dan il‑kwadru kellu jitkellem, min jaf kemm jirrakkontalna esperjenzi sbieħ tal‑Għid li seħħew bejn il‑ħitan ta’ ħafna mid‑djar tagħna! Napprezzaw li f’ħafna mid‑djar tagħna hemm xbieha tal‑Madonna Ta’ Pinu, għax fejn hemm Marija jkun hemm Ġesù. U fejn hemm Ġesù hemm il‑ħajja li tegħleb il‑mewt, il‑grazzja li teħles mid‑dnub, it‑tama li terfa’ min‑niket, il‑maħfra li tinfaxxa l‑miksur, il‑ferħ li jkeċċi d‑dwejjaq, is‑sliem li jtemm kull ġlied. Meta niftakru li r‑Rużarju huwa talba għal qalb Marija u b’riflessjonijiet dwar Ġesù, nistiednu lill‑familji tagħna biex jgħidu spiss din it‑talba sabiħa.

    Nagħtukom il‑barka pastorali tagħna.

     Charles J. Scicluna                                                              Mario Grech

        Arċisqof ta’ Malta                                                                   Isqof ta’ Għawdex

     Joseph Galea‑Curmi

        Isqof Awżiljarju ta’ Malta

     

  • L-Ittra Pastorali bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija

     

  •  

  •