L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Waħda mir-raġunijiet għaliex illum għandna nfarrġu lil xulxin hija l-kelma ċara ta’ Ġesù: “Din hi tabilħaqq ir-rieda ta’ Missieri”. Meta jitkellem fuq ir-rieda ta’ Missieru, Ġesù qiegħed jitkellem fuq xi ħaġa qawwija, fundamentali, u li ta’ min jistrieħ fuqha. U x’inhi din ir-rieda tal-Missier? “Li kull min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena” jgħid Ġesù, “inqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (Ġw 6:40).

Dan huwa l-kliem li għandu jkun il-faraġ għan-niket profond tagħna. Jekk din il-pandemija ma għallmitna xejn, għallmitna kemm aħna dgħajfin, kemm ħafna drabi nintilfu wara l-frugħa u kemm hemm affarijiet tassew għeżież. Għallmitna wkoll l-umiljazzjoni tal-mewt. Kull min jaf xi tfisser tmut bil-COVID-19, għax għadda minnha, u l-protokolli li ntrabtu mad-difna tal-għeżież tagħna f’dawn l-aħħar xhur, jifhem li m’hemmx biss il-qsim il-qalb tat-telfa imma hemm ukoll il-qsim il-qalb ta’ min jixtieq jesprimi n-niket tiegħu u ma jistax.

Illum, f’isem il-poplu Malti u Għawdxi kollu, nixtieq inwassal il-kompassjoni tagħna magħkom, għeżież qraba li tliftu lil xi ħadd kawża tal-COVID-19. Imma naf ukoll li għandna t-tama fil-Mulej Ġesù, li żżommna maqgħudin bejnietna u tagħtina faraġ kbir meta naħsbu fl-għeżież tagħna li ħallewna.

Dawn l-aħħar xhur mietu ħafna nies. Mhux qiegħed noffri din il-quddiesa għalihom biss imma qed noffriha wkoll għal ħutna l-mejtin kollha. Aħna li għadna hawnhekk m’għandniex espressjoni iżjed qawwija ta’ mħabba mis-sagrifiċċju tal-quddiesa li qegħdin noffru.

Hija ħaġa sabiħa li f’dawn l-ewwel jiem ta’ Novembru nżuru ċ-ċimiterji fejn huma midfuna l-għeżież mejtin tagħna. Aħna u nitolbu għalihom, il-Knisja tagħti wkoll din il-grazzja li aħna, b’att żgħir u b’ġest żgħir ta’ tifkira u ta’ qima, inkunu nistgħu nissuffragaw lill-għeżież tagħna. Ngħinuhom jaslu quddiem il-Mulej, li huwa ġust u ħanin, u ngħinuhom ukoll fit-talba tagħhom li jaraw wiċċ il-Mulej. “Jiena wiċċek infittex, Mulej, la taħbix wiċċek minni […] Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej f’art il-ħajjin. Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek, ittama fil-Mulej” (S 27:8-9.13-14).

Nixtieq nagħlaq dan il-ħsieb qasir b’din il-kelma ta’ faraġ. Meta nħarsu lejn iċ-ċimiterji tagħna qalbna tingħasar. Tmur f’ċimiterju tar-raħal, jew tiġi hawnhekk fiċ-ċimiterju l-kbir tal-Addolorata, u timxi fost l-oqbra u tiltaqa’ ma’ ħbieb antiki, mal-ġirien. Donnu hawnhekk, biż-żmien, timbena belt li ġejja mill-passat tagħna imma għandha wkoll futur. Iċ-ċimiterju huwa art il-ħajjin. Ħallew il-fdalijiet tagħhom imma il-maħbubin tagħna, missirijietna, ommijietna, in-nanniet tagħna, il-qraba tagħna, uliedna għal min tilef lil uliedu, huma ħajjin. Hawnhekk ħallew dak li jintemm imma fil-Mulej jgħixu għal dejjem. Għalhekk, it-talba tagħna ma tħarisx lejn il-qabar imma tħares lejn il-mistrieħ.

Agħtihom, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqhom, jistrieħu fis-sliem, Ammen.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġob 19:1.23-27a
Salm: 26
Qari II: Rum 19:1.23-27a
Evanġelju: Ġw 6:37-40

More Photos >>