.
Illum tiftaħ il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, magħrufa bħala l-Ġimgħa Ekumenika – li se ttul sa nhar l-Erbgħa 25 ta’ Jannar. It-tema għal din is-sena se tiffoka fuq il-bidla ta’ kull bniedem permezz tar-rebħa ta’ Ġesu Kristu. Din il-ġimgħa hi promossa mill-Kunsill Dinji tal-Knejjes – li jiġbor madwar 349 Knisja li lkoll ifittxu l-għaqda, ix-xiehda komuni u s-servizz nisrani. Il-Knisja Kattolika, anki jekk mhix membru tal-Kunsill Dinji tal-Knejjes, tieħu sehem attiv f’din l-inizjattiva ekumenika.
Din il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda Nisranija, iġġib flimkien parroċċi u kongregazzjonijiet insara minn familji konfessjonali differenti minn madwar id-dinja kollha, li jiltaqgħu u jitolbu flimkien f’ċelebrazzjonijiet ekumeniċi speċjali.
Ta’ kull sena, sieħba ekumeniċi jintalbu jħejju dokument fuq tema bibblika, li eventwalment jkun editjat minn parteċipanti Protestanti u Ortodossi fi ħdan il-Kunsill Dinji tal-Knejjes, flimkien ma’ oħrajn mill-Knisja Kattolika Rumana – bil-għan li jkun assigurat tiftix għall-għaqda nisranija f’dak miktub. Id-dokument ikun finalment ippubblikat b’mod konġunt mill-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda Nisranija u mill-Kummissjoni Difi u Ordni fi ħdan il-Kunsill Dinji tal-Knejjes. Il-materjal jintbagħat imbagħad lill-Knejjes u d-djoċesijiet biex jużawh fil-kuntest taċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom.
It-tema għal din is-sena hi ispirata mill-kliem ta’ San Pawl fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin, kliem li jwiegħed trasformazzjoni fil-ħajja umana permezz tar-rebħa ta’ Kristu bil-qawmien tiegħu mill-mewt. Fl-aħħar udjenza pubblika tiegħu, il-Papa Benedittu XVI stieden lil dawk kollha li jemmnu, bħala individwi u komunitajiet, sabiex jipparteċipaw spiritwalment fil-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda Nisranija billi jitolbu flimkien sabiex Alla jagħti din l-għaqda lid-dixxipli ta’ Kristu madwar id-dinja kollha.
Intant, f’Malta se jsir Servizz Ekumeniku Djoċesan il-Ħamis fil-Pro-Katidral ta’ San Pawl, il-Knisja tal-Anglikani fil-Belt fis-6.30pm.