Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann inawgurat l-aċċess ġdid għall-viżitaturi tal-Kripta tal-Granmastri tal-Ordni, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, nhar it-Tlieta 3 ta’ Marzu 2020. Il-proġett ta’ restawr u ta’ konservazzjoni sewa’ madwar nofs miljun ewro u sar b’finanzjament u ħidma kontinwa mill-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann. L-aċċess għall-Kripta hu minn taraġ fil-Kappella tal-Lingwa ta’ Provence, u tista’ tiġi apprezzata minn wara bieb tal-ħġieġ.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali José Herrera, il-President tal-Fondazzjoni Wilfrid Buttigieg u l-Kuratur Cynthia de Giorgio indirizzaw lill-mistiedna preżenti.

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Onor. Ministru, membri tal-Fundazzjoni inkluż l-President, tant nies li pparteċipaw f’dan il-proġett straordinarju: nixtieq ningħaqad mal-kelma tal-Onor. Ministru biex ngħidilkom grazzi.

Xi tfisser għalina li aħna napprezzaw l-għażla tal-Granmastri li ndifnu hawnhekk u li ndifnu taħt l-artal? Din il-ħaġa tfakkarni f’kelma għażiża li ħallielna Ġesù: “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw 12:24). Kienet din il-fidi ta’ dawn in-nies li aħna ġustament grati lejhom għax ħallewlna patrimonju kbir; kienet il-fidi tagħhom f’din il-kelma ta’ Ġesù, li jgħożżu dak li l-bniedem iħalli wara l-mewt tiegħu fit-tama tal-qawmien mill-imwiet u li l-fdalijiet tagħhom ikunu meqjuma propju fl-iżjed post għażiż ta’ din il-knisja li għall-Kavallieri kienet il-knisja konventwali. Li tressaq il-qabar tiegħek lejn l-artal huwa statement li inti temmen fil-qawwa tas-sagrifiċċju ta’ Ġesù li aħna nġeddu f’kull quddiesa, u fil-qawwa tiegħu li jsalvak u jagħtik il-ħajja ta’ dejjem.

Aħna qegħdin nippreservaw din il-kripta għal ġenerazzjoniiet futuri, u għall-grazzja t’Alla u ngawduh wara 15-il sena xogħol, bħala statement mhux biss kulturali imma wkoll ta’ fidi.

Dan il-post għażiż, il-kultura tal-Ewropa – u nistgħu ngħidu fl-aqwa espressjoni tagħha – tiltaqa’ wkoll ma’ patrimonju kbir ta’ fidi. Din il-knisja għandha diġà l-profezija ta’ Ewropa maqgħuda għax it-tmien kappelli ddedikati lil-lingwi tal-Ordni huma sintesi ta’ kulturi differenti Ewropej li jingħaqdu f’korsija waħda li fiha jiġi ċċelebrat is-sagrament tal-għaqda. L-istatement li hawn fl-arti, fl-arkitettura minqux fil-ġebla, intersjat fl-irħam, dan il-post huwa statement li l-Ewropa għandha bżonn tiftakar u anke aħna l-Maltin.

Il-Ministru qalli: ‘Allura intom  tindifnu l-katidral l-Imdina?’ ‘Biex inserraħlek rasek Ministru, jiena m’għandi l-ebda interess nindifen ħdejn La Vallette’. Darba minnhom meta Prince Charles ma’ Camilla ġew l-Imdina, lqajthom kif inhu d-dover tiegħi, imbagħad għedtlu: ‘Ħa nurik ftit il-predeċessuri tiegħi fejn qegħdin midfunin’. Imbagħad qalli: “Do you also have your place?” Għedtlu: “Not yet, I’m not in a hurry”. Imma tkun kemm tkun mgħaġġel u ma tkunx, jasal.

Jalla, aħna u napprezzaw il-fidi ta’ dawn in-nies u l-arti li esprimit il-fidi tagħhom, ma ninsewx għaliex qegħdin hawnhekk. L-arti twassal messaġġ. Il-messaġġ ta’ din is-sbuħija anke fil-mewt hija l-fidi tagħna li tissupera l-mewt.    

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta  

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti