Married person participating in online conference

Dan ix-xahar koppji qed jiġu offruti l-opportunita jsaħħu ż-żwieġ tagħhom di djarhom stess f’serje li tikkumbina t-tagħlim tal-Papa Ġwanni Pawlu II mal-esperjenza tal-psikoloġija klinika.

L-Istitut għall-fejqan fiż-żwieġ, immexxi mill-psikjatra kattoliku Richard Fitzgibbons, fis-27 jum ta’ dax-xahar se jibda l-ewwel serje ta’ seminars bla ħlas u li jingħataw online, għalhekk imsejħa webinars. It-tema ta’ din is-serje hi THE ANGRY SPOUSE.

Fitzgibbons, li hu wkoll konsulent għall-Kongregazzjoni tas-Santa Sede għall-Kleru, spjega lill-aġenzija tal-aħbarijiet Zenit li s-serje ta’ laqgħat online se tippermetti lill-koppji jipparteċipaw anonimament mill-kumdita ta’ djarhom, biċ-ċans ukoll li jibgħatu l-kummenti jew l-emails tagħhom.

Kompla jfisser li l-inizjattiva għandha l-għan li ssaħħaħ iż-żwiġijiet kattoliċi. Dan qed jiġi deskritt bħala mezz kif l-Istitut jilħaq lill-koppji. L-Istitut joffri wkoll riżorsi għall-koppji, servizz ta’ counsellors u expertees oħra fost il-membri tal-kleru dwar il-ħajja tal-familja u ż-żwieġ, fost oħrajn.

Is-serje ta’ webinars se tkun tinkludi konferenzi online dwar il-miżżewġin li jkunu qed iġarrbu ansjeta u li jkunu emozzjonalment distakkati minn xulxin u anki suġġetti marbuta mas-separazzjoni u d-divorzju. Is-sit internet tal-Istitut joffri wkoll linji gwida biex ikunu identifikati u indirizzati konflitti komuni bejn il-miżżewġin.

Fitzgibbons, li jgħallem ukoll fl-Istitut Pontifiċju msemmi għall-Papa Ġwanni Pawlu II li jiffoka fuq l-istudji dwar iż-żwieġ u l-familja fl-Universita Kattolika tal-Amerka, qal lill-aġenzija Zenit li l-għerf tal-Papa Woytila se jkun esponut fis-serje ta’ webinars.

“Il-ħidma tagħna mal-miżżewġin hi influwenzata b’mod qawwi mill-kitba ta’ Ġwanni Pawlu II ‘Love and Responsibility’ fir-rigward tas-sejħa għall-għoti lil xulxin b’imħabba ġenwina”, fisser Fitzgibbons.

Jingħad li f’dawn il-webinars, il-psikjatra se jwaħħad ukoll l-esperjenza tiegħu ta’ ħidma ma’ eluf ta’ koppji miżżewġa fl-aħħar 30 sena. Hu spjega li meta wieħed jindirizza d-dgħufijiet emozzjonali u dawk fil-karattru, ikun qed jiffaċilita u jimmatura fil-mod kif ikun jista’ jingħata lill-partner tiegħu. Fi kliemu, din mis-serje se tgħin biex l-individwu jidentifika d-dgħufijiet emozzjonali ewlenin li huma f’interferenza mal-mod kif tingħata u tkun riċevuta l-imħabba fiż-żwieġ.

B’dan il-mod, Fitzgibbons temm jgħid li koppji jkollhom ċans jitgħallmu kif jikxfu kunflitti u jikbru f’dawk il-kwalitajiet li jsaħħuhom fis-sens ta’ għotja tagħhom infushom lil xulxin. Hekk jindirizzaw ukoll ir-rabja, in-nuqqas ta’ fiduċja f’xulxin, l-ansjeta u l-egoiżmu.