Wara li tħabbret il-mewt għall-għarrieda ta’ Dun Eric Overend, Arċipriet taż-Żejtun, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P., permezz ta’ Dun Gino Gauci bħala Amministrattur Parrokkjali, għamel konsultazzjoni mal-kleru tal-parroċċa, mal-Kunsill Pastorali Parrokkjali, mal-Għaqda tal-Armar, mas-Soċjetà Mużikali Beland, mal-Banda Żejtun u mal-Grupp tan-Nar, dwar iċ-ċelebrazzjoni tal-Festa Santa Katarina li kellha tkun iċċelebrata fil-Parroċċa taż-Żejtun fis-16 ta’ Ġunju 2013.
Wara l-konsiderazzjoni meħtieġa, u wara li s-Soċjetajiet tal-Banda, tal-Armar u tan-Nar qablu li jħallu f’idejn l-Awtorità tal-Knisja, l-Arċisqof dehrlu li huwa l-aktar xieraq li b’rispett lejn il-memorja tal-Arċipriet Overend, għal din is-sena, jitħassru ċ-ċelebrazzjonijiet kollha li s-soltu jsiru fil-knisja u fit-toroq.
L-Arċisqof japprezza li din id-deċiżjoni hi xhieda ta’ ġest ieħor ta’ rispett u ta’ maturità tal-komunità parrokkjali taż-Zejtun. Hu jingħaqad man-nies taż-Żejtun fit-talb b’sufraġju għall-Arċipriet Overend u biex il-Mulej isejjaħ żgħażagħ minn din il-parroċċa biex jimxu warajh bħala saċerdoti u reliġjużi.