Bergoglio's book

B’edukazzjoni speċjalizzata kemm fil-kemistrija u t-teoloġija, Papa Franġisku huwa midħla sew tar-relazzjoni bejn ix-xjenza u l-fidi. “Ix-xjenza għandha awtonomija li trid tiġi rispettata u inkoraġġita”. Hekk kien kiteb Jorge Bergoglio fil-ktieb “On Heaven and Earth: Pope Francis on Faith, Family and the Church in the 21st Century”  ippubblikat f’April li għadda. Bergoglio fisser li “mhemmx raġuni għax wieħed għandu jfixkel l-awtonomija tax-xjentisti, minbarra meta dawn jidħlu f’dak li hu traxxendenti”.

Il-Papa ddiskuta r-responsabbilta tax-xjenza fil-ktieb tiegħu li hu taħdita bejnu u bejn ir-Rabbi Abraham Skorka, biofiżiċista Arġentin u rettur ta’ seminarju tar-rabbi fl-Amerika Latina.

Fl-introduzzjoni tal-ktieb, Bergoglio kiteb li “d-djalogu hu mwieled minn attitudni ta’ rispett lejn l-oħrajn…iqis li wieħed jista’ jagħmel spazju mill-qalb għall-ideat ta’ ħaddieħor”.

Fl-istess ktieb, Bergoglio jgħid li waqt li l-ġlieda għall-ħarsien tal-ħajja hi ħafna drabi ċċentrata fuq l-abort u l-piena kapitali, hemm forma oħra, sottili, li xxejjen id-dinjita umana. Tkellem dwar l-ewtanasja fil-moħbi u qal li f’din is-soċjeta konsumerista, edonista u narċissista, bħal donnu indrat li l-bniedem tużah u tarmieh. Waqt li spjega bl-eżempji, b’ton sarkastiku qal li s-sigurta soċjali l-ewwel tkopri ċertu spejjeż tat-trattament imbagħad donnu tħallik f’idejn Alla!