Illum fl-Oratorju tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta tnieda l-ktieb ‘Patri Donat Spiteri: Qaddej tal-Kelma ta’ Alla’ miktub minn Rev. Dr Martin Micallef. 

It-tnedija ġiet organizzata mid-Dipartiment tal-Iskrittura, il-Lhudi u l-Grieg tal-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta taħt il-patroċinju tal-Arċisqof Charles J. Scicluna.

Matul it-tnedija sar qari bil-Lhudi u bil-Grieg minn testi partikulari mill-Iskrittura u diskorsi dwar il-Bibbja, dwar l-istorja tal-Fakultà tat-Teoloġija f’Malta kif ukoll dwar it-tqassim ta’ din il-bijografija ta’ Donat Spiteri miktub fl-okkażjoni tal-100 sena mit-twelid tiegħu. 

L-Arċisqof Scicluna tkellem dwar Spiteri u l-pastorali biblika li wettaq flimkien mat-tagħlim tal-Iskrittura fl-Università ta’ Malta u l-legat li ħalla fil-Knisja f’Malta.

Din il-bijografija ġiet ippubblikata minn Kite Group illi daħal għal din il-pubblikazzjoni magħmula minn aktar minn 600 paġna li jiġbru fiha l-ħajja, il-ħidmiet u l-kitbiet ta’ Spiteri flimkien ma’ għadd ta’ ritratti li jfakkru bosta episodji minn ħajtu.

Sors: Newsbook.com.mt