Il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ qed tistieden liż-żgħażagħ biex jattendu għall-inawgurazzjoni tal-verżjoni Maltija tal-kanzunetta uffiċjali tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2011. Din l-attivita’ se ssir nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Marzu, 2011, f’nofsinhar, fl-istabbiliment Bianco’s, fil-Bajja ta’ Spinola, San Ġiljan. Dakinhar jaħbat ukoll 150 jum mill-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
‘Il fuq minn 600 żagħżugħ u żagħżugħa se jkunu qed jirrapreżentaw lil Malta f’dan l-akbar avveniment internazzjonali li ser isir f’Madrid, Spanja, bejn is-16 u l-21 ta’ Awwissu. L-avveniment huwa mistenni li jattira madwar żewġ miljun ruħ minn madwar id-dinja għal festival ta’ kultura u fidi.
L-innu uffiċjali bl-Ispanjol tnieda f’Novembru li għadda, waqt iż-żjara tal-Papa Benedittu XVI f’Barcelona. Immedjatament wara, f’Malta nbeda x-xogħol fuq il-verżjoni bil-Malti tal-kanzunetta li se tkun inawgurata nhar il-Ġimgħa.
Il-kliem tal-kanzunetta ġew tradotti mill-Ispanjol għall-Malti minn Gabriella Farrugia, li kisbet l-Aħjar Studenta Maltija tal-Lingwa Spanjola 2010. Il-verżjoni Maltija ġiet irrekordjata professjonalment fl-istudios ta’ Mro Joe Brown, u kantata minn Thea Garrett, Pamela Bezzina u Angela Spiteri.