Tliet seminaristi fil‑ħames sena ta’ preparazzjoni fis‑Seminarju tal‑Arċisqof, ser jitolbu lill‑Arċisqof Charles Jude Scicluna biex jaċċettahom bħala kandidati għall‑Ordinazzjoni Djakonali u Saċerdotali. Din iċ‑ċelebrazzjoni ser issir nhar il‑Ħadd, 1 ta’ Novembru 2020, waqt il‑Quddiesa f’Jum il‑Qaddisin Kollha fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta, fid‑9:30 a.m.
Ian Diacono mill‑Parroċċa ta’ Stella Maris, Tas‑Sliema, Gylan Camilleri mill‑Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il‑Għajn, u Clive Seychell mill‑Parroċċa ta’ San Ġużepp, il‑Kalkara, ser jistqarru pubblikament ir‑rieda tagħhom li joffru lilhom infushom lill‑Knisja biex iservu bħala saċerdoti.
Filwaqt li jilqagħhom b’ferħ, Mons. Arċisqof, f’isem il‑Knisja, ser ikun qed jitlobhom biex matul is‑snin li ġejjin ikomplu jħejju lilhom infushom bi preparazzjoni għall‑Ordni Sagri.
Il‑komunità Nisranija hi mitluba żżomm f’talbha lil dawn it‑tliet kandidati għas‑saċerdozju.